Il-Bully, il-Beef… u s-Cyberbullying

20:10  |  16.08.2013

Kulħadd jaf x’inhu ‘bully’. U kważi kulħadd jaf li minbarra “ċanga”, beef tfisser ukoll “tgergira”.

Issa dan l-aħħar sar ħafna plejtu dwar x’inhu u x’mhux is-cyberbullying.

Uħud donnhom għandhom idea ħażina… jaħsbu li għax jien insemmi lil xi ħadd u nwaqqgħu għaċ-ċajt (“illum nesa’ jilbisha d-dentatura jaqaw?”), inkun qed nagħmel cyberbullying.

Jaħsbu li jekk jien ngħid: “Kemm kien qed jiekolhom bil-qalb l-ispaghetti, Orlando Borg Basura, nhar it-Tnejn, iċ-Ċittadella… mank faga fihom!” inkun qed nagħmel cyberbullying.

Jaħsbu li jekk jien ngħid kemm hu oħxon u ikrah dak, jew kemm hi mgħaddma u stramba dik, inkun qed nagħmel cyberbullying.

Dawn l-affarijiet, iva, jaqgħu taħt it-titlu ġenerali ta’ cyberbullying (ħlift li nużaha elf darba dik il-kelma llum); iżda hemm iżjed, u ħafna iżjed, minn hekk x’wieħed jiddiskrivi bħala cyberbullying.

Xi xhur ilu kien hemm każ fejn ġuvni ppretenda li kien tfajla, u kien jirrikatta lill-ġuvintur li “jaqgħu għalih” (fis-sens l-ieħor) kien jirrikattahom biex ma jurix il-klips tagħhom fuq l-Internet.

Kien qed idabbarha ġmielu… sakemm sabu wieħed mill-vittmi… u qatlu.

Issa dan l-aħħar fl-aħbarijiet rajna suwiċidju li għamel żagħżugħ wara rikatt simili. Iżda din id-darba vera kienet tfajla li ttantatu… u din, bħalma kien għamel il-ġuvni tal-istorja l-oħra, irrekordjat kollox u hedditdu li tikxfu jekk ma jħallasx. Saħansitra wrietu t-tejp li kellha, rrekordjat minn fuq il-webcam, biex twerwru.

Qaltlu li turih lill-ħbieb, u lill-familja tiegħu, jekk ma jħallasx. U din kienet parti minn skam kbira.

Hu, intilef. U neħħa ħajtu.

Il-ġenituri tiegħu, bħalma kieku naħseb kienu jgħidu ġenituri oħra, qalu li hu kien kważi raġel, u li ma kienux joqogħdulu għassa ta’ x’kien ikun qed jagħmel fil-kamra.

Dan, mela, ukoll hu cyberbullying.

U xi ngħidu għal Ask.Fm?

Jien m’inix membru, iżda stajt liberalment nidħol fis-sit u naqra uħud mill-mijiet ta’ kummenti moqżieża li hemm (bil-Malti).

Suppost li dan is-sit jeżisti biex ikun hemm xi ħadd li jrid jaf xi ħaġa dwarek, jew li jiffansjak bil-moħbi, u jistaqsik xi ħaġa bħal “X’inhu l-kulur favorit tiegħek?” jew “Int impenjata?”

Imma fil-fatt, il-kummenti li rajt, fil-biċċa l-kbira minnhom, semmew atti oxxeni u qraba mejtin u difetti fiżiċi, imżewqa bi kliem oxxen.

M’għandniex xi ngħidu, ftit tektik tat-testiera, u dak li jkun jista’ jiskopri ħafna dettalji fuq dak li jkun… dettalji li jkunu hemm, biex kulħadd jarahom.

Tifla ta’ 14-il sena wkoll għamlet suwiċidju wara li fuq ASK.FM bdiet tirċievi ħafna kummenti koroh. Issa qed jingħad li uħud minn dawn bagħtithom hi stess… u hawnhekk ngħid li din kienet karba għall-għajjut għax ħadd mill-“ħajja ta’ vera” kien qed jagħti kasha.

Issa li kieku kien hemm xi ħadd u qalilha “Tagħtik kashom lil dawn il-kattivi…” min jaf kienx ikun ħjiel ta’ xaqq ta’ dawl għaliha? Minflok, l-oħrajn qabdu l-kantilena u komplew jinsultawha.

Seán Kelly MEP, ko-awtur tar-rapport pendenti dwar ir-Regolament Protezzjoni tad-Data tal-UE, semmiet tliet żgħażagħ vulnerabbli li għamlu suwiċidju, u l-konessjoni ta’ dan mal-kummenti li kienu jirċievu fuq Ask.Fm.

Iva, tabilhaqq, l-inkejja u l-insulti on-line huma wkoll cyberbullying.

Kummenti bħal “Int qed tisraq l-ossiġenu tal-oħrajn!” “Int ma ħaqqekx tgħix!” u “Int qisek ġurdien – mur mut f’rokna!” lilna forsi ma jaffetwawniex… iżda meta xi ħadd ikollu dwejjaq kbar, u ma jkollux ħbieb ma’ min jafda, malajr jaf joħodhom bħala “ġudizzju” u “verità”.

Kelly se jorganizza Forum nazzjonali; Ġlieda Kontra L-Intimidazzjoni Elettronika, f’Limerick fis-27 ta’ Settembru. Min jaf hux sejrin jattendu xi Maltin għal dan il-Forum?

U ma ninsewx il-mijiet ta’ siti (anti) soċjali li jeżistu, li fihom jeżisti ammont mhux ħażin ta’ cyberbullying. Jien kemm-il darba “keċċejt” nies minn fuq il-paġni tiegħi meta deherli li ma kienux qegħdin jimxu sew…

U xi ngħidu għal meta ċorma “ħbieb” iduru għal xi ħadd li nzerta deher li ma qabilx ma’ wieħed minnhom b’xi kumment? Iduru għalih bħalma klikka ddur għal xi ħadd ssfortunat fil-bitħa tal-iskola, meta l-għalliema jkunu aljenati. Dan ukoll hu cyberbullying.

Issib ukoll nies (nies, għedt?) li jfaħħru dak kollu li jgħid jew jagħmel xi ħadd, mhux tant għax jaqblu miegħu, iżda iżjed biex iferu lil xi ħadd li għandhom għalih. Dan ukoll hu cyberbullying.

Daqs kemm m’hux sottili l-aġir ta’ dawk li jsusu wara xi uħud u jippruvaw iwaqqgħu dak kollu li jgħidu, b’xi kumment banali… jew għalkemm ma jkollhomx kuntatt ‘dirett’ ma’ dak li jkun, b’xi mod ikunu qed imexxu kampanja li tirridikolah jew ixxejjen kull argument li jaqbad.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s