L-Aħbarijiet ta’ Barra Minn Hawn…

 

 

 

Illum qagħdet; kulħadd jiġri bit-telefon tal-kamera f’idu, biex kif jinzerta “xi ħaġa” joħdilha ritratt. Tista’ tkun qattusa maqbuda f’siġra, jew fjura sabiħa, jew saħansitra… vittma ta’ incident.

Bil-ġenn biex inkunu “qabel tal-aħbarijiet”, nitfgħu ritratti, sbeiħ jew makabri, fuq l-Instagram jew il-Facebook jew siti soċjali oħra, bla ma nqisu l-effetti li dawn ser ikollhom fuq ħaddieħor.

Mela l-ewwel kien hemm ir-radju; wara ġie t-televixin, li malajr espanda għall-cable… imbagħad ġew is-siti soċjali.

Niftakar żmien meta l-ġurnalisti Maltin kienu jiddependu fuq ir-RAI jew il-BBC biex ixandru avveniment bil-Malti, u n-narratur kien jaqleb dak li jkunu qed jgħidu l-preżentaturi barranin. Wara bdew jintbagħtu l-korrispondenti, biex ixandru Live.

Illum, kollox inbidel. Kull min jinzerta lil xi politiku, xi artist, jew xi personalita oħra, malajr jieħu filmat ċkejken…li mhux dejjem jinżamm privat. U m’għandniex xi ngħidu, jekk xi cameraman jaqbad lil xi ħadd minnhom jikser il-liġi, jew imqar inaqqar imnieħru… jagħmel xalata.

Dan l-aħħar rajna lil Diamond Reynolds turina l-mewt tal-maħbub tagħha, Philando Castile. Rajna wkoll vittmi ta’ inċidenti, barranin u lokali, ftit sekondi biss wara li jkunu ġraw. Rajna xeni ta’ vjolenza, ukoll. U min ikun ħa l-filmati, jiftaħar li għamel scoop.

U żgur li t-tentazzjoni li tieħu r-ritratti u l-filmati tkun kbira. Kemm hu sew li tista’ twettaq il-kumment “illum taf x’rajt…?” bil-provi, u li ma jkollokx għalfejn tgħid “kemm xtaqtek kont hemm dak il-ħin…” għax tista’ turi klipp.

Imma tajjeb ukoll li nistaqsu lilna nfusna x’hemm, barra l-istint, li jimmotivana biex nieħdu dak il-filmati jew ritratti.

  1. Għandi l-iskop li numilja lil dak li jkun, jew indaħħaq lin-nies bih?
  2. Ivverifikajt jekk dak li naħseb li qed nara, humiex il-fatti, jew forsi qed ninterpretahom ħażin? Jekk hemm xi ħadd qed itini l-informazzjoni, kif ħa nkun ċerta li dan mhux qed jipprova jużani?
  3. Jekk inħoss li dak li qed inandar live ser jispiċċa ħażin, lesta li nibqa’ hemm sal-aħħar, u forsi nipperikola ħajti, jew basta għamiltha tal-brava għal ftit sekondi?
  4. Kieku kont naħdem mal-medja, l-editur tiegħi kien iħallini nxandar jew nippublika dan li qed nagħmel fuq is-siti soċjali, jew kien jibża minn xi kawża ta’ libel?
  5. Ma naqbilx politikament ma’ din il-persuna, u qed inpattiha lill-partit tiegħu, b’li qed nagħmel?
  6. Naf jekk tal-familja ta’ dak li jkun, jafux x’qed jiġri, jew irrid nurihom jien biex nidher brava?
  7. Nixtieq li xi ħadd jiġbed ritratti jew filmati tiegħi kieku kont fl-istess sitwazzjoni?
  8. Qed nuża l-apparat li għandi b’mod miftuħ u etiku, jew qegħda niġbed bil-moħbi, attenta li ħadd ma jaqbadni, għax naf li mhux qed nagħmel sew?
  9. Ser inżid id-diżgwit fil-pajjiż, jew l-ispekulazzjonijiet fuq l-individwu, jekk inxandar li qed nara? Jew sinċerament nirrid inqajjem kuxjenza? Hemm għalfejn nuri vjolenza grafika?
  10. Ser nipprova naqla’ l-flus minn fuq dahru billi nbiegħ il-prodott tiegħi?

Dawn huma biss ftit punti li għandna nqisu qabel ma naqbdu u nxandru ritratti jew filmati li nkunu ġbidna aħna.

 

 

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s