Traskurati… jew imsieken?

http://www.inewsmalta.com/blogarticle.php?ID1=33272
Ġun 20, 2016 18:53

Fejn kienet ommu? Fejn kien missieru? Dawn il-kliem nisimgħuhom meta tifel jaqa’ mnn fuq bandla, jew jiżloq f’xi żejt tal-karozzi li jkun hemm fit-triq. Bħallikieku nistgħu nżommu jdejn uliedna 24/7 biex ma jiġrilhom xejn.
Nisimgħu dan il-kliem ukoll meta tiġri xi traġedja… meta xi tifel jittajjar minn karozza u jmut; jew, bħalma rajna dan l-aħħar, meta xi annimal salvaġġ jaħtaf lil xi tifel li jiżgiċċa mill-ħarsa tal-kbar, u joqrob lejh… u f’tebqa’ t’għajn l-annimal jagħmel dak li l-istint jgħidlu li għandu jsir.
U allura – il-kummenti krudili u inutli tiegħek ser ibiddlu li ġara? Mhux kulħadd jaf li ġenitur qatt m’għandu jidfen lil ibnu? Hemm għalfejn tikteb dan fil-gazzetti kollha fejn tidher l-istorja?
Meta tifel ikollu marda terminali, dan diġà jkun stallett fil-qlub ta’ dawk kollha li jħobbuh. Jixbgħu jistaqsu għaliex. Iduru l-professuri kollha biex jaraw jekk hemmx xi ħaġa li tista’ ssir; xi ħaga ġdida, imqar esperiment li qat ma ppruvawh fuq il-bnedmin qabel. Forsi ma tafx kif…
Meta jiġri xi inċident bħalma ġraw dan l-aħħar, imma, l-istorja tinbidel. Flok ma noħduha kontra Alla (jekk nemmnu fiH), nobżqu l-mibegħda kollha tagħna lejn il-ġenituri li ħallew idejn it-tfal tagħhom imqar għal sekonda. U jekk, kif ġara, ġarrbu t-telfa kiefra, xorta nsinnu lsienna u ma nħalluhiex ħelwa għal melħa.
Għax it-tfal tagħna qatt ma weġġgħu meta kienu magħna. Qatt ma korrew meta kienu l-iskola (u hemm inwaħħlu fl-għalliema). Qatt ma kellna xi membru tal-familja li baqa’ mmankat meta pprova jagħmel xi bravura. Jew forsi għandna żewġ qisien – dak “għalina” (għax it-tfal jgħalluk), u ieħor għall-oħrajn (għax il-ġenituri traskurati).
Kull minn segwa l-aħħar storja jaf li missier it-tifel tqabad bis-sħiħ biex jiġbed lit-tifel minn ħalq il-kukkudrill. Min jaf kemm xtaq li dan l-annimal feroċi jinsa lil ibnu u jaqbad fih minflok. Min jaf kif iġġennu bid-dispjaċir meta t-tifel ma deherx iżjed.
Din il-familja, li min jaf kemm damet tagħmel preparamenti, u tfaddal, biex tmur vaganza, ser tgħix il-bqija ta’ ħajjitha b’ħofra fonda f’qalbha – b’xogħfa kbira li f’dawk iż-żewġ sekondi, iż-żgħir żgiċċa u mar jesplora.
Imma possibbli hemm bżonn li kull meta tiġri xi waħda tinkiteb bħal din, aħna nfittxu każijiet simili fejn l-istorja spiċċat mod ieħor – jew għax it-tifel ikun salvat, jew għax jinqatel l-annimal – u nistaqsu “dan kif ma ġarax hekk din id-darba wkoll?”
Hawn min iwaħħal fl-internet… għax b’erba’ tektikiet tal-mouse nsibu dak li rridu flok li noqogħdu nqallbu l-gazzetti. Imma le. Mhux kulħadd juża l-internet għal skopijiet faħxija hekk. Mela allura, dawn huma n-nies li jħobbu jgħaddu ġudizzju fuq ħaddieħor… forsi biex tagħhom ma jidhirx.
Nistaqsi: kieku din l-omm, dan il-missier, kellhom ikunu ċ-ċimiterju meta int qed tqiegħed il-fjuri fuq il-qabar ta’ missierek / nannuk / dak li rabbiek, int tkellimhom? U meta ngħid tkellimhom, irrid infisser: x’tagħmel, ittihom il-kondoljanzi tiegħek u tibki magħhom… jew takkużahom bi traskuraġni u tgħidilhom li ħaqqhom li ġralhom hekk? Ser niftakru li jekk it-tfal tagħna qatt ma ġralhom xejn, dak mhux għax aħna perfetti iżda għax ma nqalgħetx l-okkażjoni?
Mela, dak li m’aħniex lesti li ngħidulu f’wiċċu lil dak li jkun, lanqas għandna ngħiduh minn wara dahru, jew fuq xi sit soċjali, biex nuru kemm aħna nafu ninsġu l-kliem (jew nitkellmu pastaż).

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s