Għandek Żball!

Kull tikmixa tgħid storja.

Għandi ħabiba li dak li jaraw għajnejha, jagħmluh idejha.

Ganċ, labar, ħjata, rakkmu, bizzilla, cross-stitch, macramé… kellha tintefa’ fuq dan ix-xogħol u ssib tbiegħu, issir miljunarja naħseb. Imma l-flus, tgħidilna, mhux importanti. Għaliha biżżejjed li meta lil dik ittiha għonq tal-crochet, fis tħitu mal-libsa, u meta lill-oħra ittiha pupa maħduma bis-suf u mlibbsa bil-ħwejjeġ tal-ganċ, din iżżejjen biha fis-salott.

Il-ħelwa hi li f’kull ħaġa li tagħmel, ikun hemm żball ċkejken, li iżda, ma jkun żball xejn, iżda wabi-sabi.

Imma min ma jkunx jaf is-sistema tagħha, malajr jgħidilha, “Mela ma serviekx is-suf għall-aħħar linja?” jew “Iva ma kellkex buttuna ħamra oħra?” jew “Isma’ għandek ħajta miġbuda…”

Hawn għadd ta’ reliġjonijiet u kulturi li, bħalna l-Insara, jisħqu li Alla biss huwa perfett. Dan jesprimuh fix-xogħol tal-idejn tagħhom. Ngħidu aħna, kieku int tmur f’ħanut u tara scutella b’biċċa mtajjra, tgħid, “Imma dawn iridu jidħqu bin-nies?” u ma tixtrihiex. Imma jekk tħares sew lejha, tara li l-finitura tgħaddi minn fuq fejn (qisu) hemm imkisser ukoll. Tistaqsi lil tal-ħanut x’irid jgħid biha, jkellmek bil-Ġappuniż, għax jgħidlek, wabi-sabi.

Bejn wieħed u ieħor, dan il-prinċipju jqis li hemm il-perfezzjoni fl-imperfezzjoni. Tħares lejn wiċċ imkemmex, u tissaħħar b’dawk il-linji, waħda fl-oħra, li juru kemm għex dak il-bniedem… min jaf minn xiex għadda?  Tħares lejn werqa niexfa, u tara l-vini li baqgħu hemm, filwaqt li l-bqija tagħha sasa’ fix-xejn.

Il-filosofija wara dan il-kunċetti ma tinżilx tajjeb ma’ dawk li jridu l-iprem affarijiet, u li kollox irid ikun perfett, għax inkella ma jkunux komdi. Hawn mhux qed nitkellmu dwar dawk il-kalzetti li apposta jkunu bl-istess kuluri imma disinji differenti, għax dawk maħdumin hekk għall-gost – tant li tista’ tixtri sitta sfużi biex tqabbel ħafna pari differenti.

Tapit bid-disinn mhux eżatt, iġib inqas flus minn dak li huwa simmetriku għal kollox. Imma min nisġu, kuntent li mexa skont il-kuxjenza tiegħu, li b’xogħolu ta’ unur u tifħir lil Alla. Bħall-artisti l-oħra, jaf li mis-sema ‘l isfel ma teżistix perfezzjoni, u qed juri l-umilta tiegħu u njgħidilna li ma jittantx li jkun daqs Alla.

Dejjem ser issib min jgħidlek li meta ħaġa ma tkunx “perfetta kemm jista’ jkun”, mela allura, tkun “traskurata”. Imma tajjeb li niftakru – u nfakkru – f’dik il-kelma tal-biżgħa… il-perfezzjoniżmu.

Kemm-il darba ssib min jgħidlek li fetaq xalla ħamnes darbiet għax it-tenzjoni tal-ponti ma kienetx preċiza eżatt? Kemm hawn min jgħidlek li dam siegħa jaħsel karma, għax darha maduma maduma għax kien hemm il-passi? Dawn huma każi estremi ta’ ossessjoni, tabilħaqq, imma juru kemm kultant, naħlu ħafna ħin għax ma naċcettawx dak li jidhrilna li hu “żball”… imma ma jkunx.

Leave a comment