Bħall-Erbgħa fost il-Ġimgħa!

Colours

 http://www.inewsmalta.com/dart/20140803-all-erbg-fost-il-img

Inzertat ġurnata tal-Erbgħa u ħsibt li la ma kellix daqstant x’nagħmel, nitla’ sas-suq ta’ Birkirkara.

Mela kif ħriġt mill-bieb eżatt, iċempel it-telefon; kienet ħabiba li kont ilni qatiegħ ma niltaqa’ magħha. “Ġejt f’moħħi!” qaltli. “Għax ili biex inċempillek. Naf Ii mhux ħa tieħu għalik jekk ngħidlek li għandi biljett żejjed għal High Tea…”  “Meta?”  “Illum – jekk trid, nofs siegħ’oħra ngħaddi għalik għax sejrin minn hawn bil-Coach. Tibżax, nerġa’ nwasslek id-dar wara…”

Bdejt nidħaq, u għedtilha li għal ftit sekondi laħqitni.

Sakemm wasalna fejn il-Coach, ma waqafniex intaqtqu. Il-familja, ix-xogħol, nies li konna nafuhom it-tnejn… għax din waħda minn dawk li m’għandiex paġna fuq Facebook. Insomma, f’kemm ilni ngħidlek irrakkuntajna bi tletin sena ġrajjiet.

Introduċietni mal-ħbieb tagħha; u hawn aħjar ma ngħaddix kummenti iżjed għax kulħadd ikun jaf għal min qed ngħid.

Ħabibti qaltli li dan l-avventiment kien għall-ġbir ta’ fondi (għax issa hekk moda), u flok Coffee Morning sempliċi, għamluh iżjed elaborate.

Wasalna fil-Hotel, u lanqas domna ħames minuti b’kollox nistennew, għax mill-ewwel bdew ġejjin dixxijiet  kontra dixxijiet imburġati bl-ikel delikat u delizzjuż, li ssoltu jittiekel fis-sular ta’ fuq waqt dawk l-episodji ta’ Upstairs, Downstairs.

Kien hemm xi ħames tipi ta’ tè, u tlieta ta’ kafe. Sandwiches ċkejkin, gidma kollox, mimlija bis-salamun affumikat, jew ħjar imqatta’ trasparenti, jew taħlita ta’ isfra tal-bajd u mustarda; pasti żgħar bil-ġamm jew bil-krema; kejkijiet liema bħalhom… u kulħadd induna li kien hemm min ma kienx bi ħsiebu jiekol f’nofs inhar… u kien hemm min deher ideffes xi ikel f’borża tal-plastik, ukoll… u ħabibti ċċaqlaq ħuġbejha, u bla kliem tindikali ‘l dik u lill-oħra.

Kienu qorbu l-ħdax u nofs… u kien sar i-ħin għat-tombla. “Hawn aħna…” Iżda ġara li dik li organizzat il-ħarġa qalet li min ried, seta’ joħroġ barra jagħmel passiġġata… u ħabibti qaltli li kienet tippretendi li min jagħmel hekk jagħti donazzjoni ta’ almenu kemm jiswa’ ġog wieħed.

Ħallasna – u tlaqna ‘l barra.

Mela ġara li nzertajna funeral ta’ “xi ħadd importanti” li sa dak il-ħin ma konniex nafu min hu, f’waħda mill-kappelli. Għedt importanti għax kien hemm għadd ta’ nies li isimhom u wiċċhom u leħinhom huma familjari mal-maġġorranza tal-Maltin.

Ħabibti qaltli li kieku għadhom moda, kienet toħroġ l-autograph book – u fis timlih (għax din waħda li ssegwi d-dinja tal-medja sew). U bit-twila u bil-qasira, billi l-coffee morning kellu jdum almenu siegħa oħra – “Filkas żgur iċempluli…” – sibna postna fuq il-bankijiet.

Fit-tnedijiet tal-imwiet, tisma’ kultant li hu mitlub li ma jintlibisx iswed għal waqt il-Quddiesa. Iżda hawn, kulħadd assuma li l-iswed huwa sinjal ta’ rispett – u li kellhom iswed, libsuh. Jekk kiex ġins; libsa trasparenti jew imqaċċta (minn dawk ta’ bla ċingi li l-ħin kollu trid tirranġahom għax inkella ikollok wardrobe malfunction); dublett qasir; libsa qisha tal-baħar, b’żewgt ixquq l fuq mill-irkoppa fil-ġenb… kien hemm varjetà sħiħa. Imma stenna’ ftit – forsi libsu dawn i-ħwejjeġ għax huma nies li jżommuha, u saħasitra f’funeral riedu li ma jidhrux qishsom sejrin funeral?  Min jaf. Forsi għalhekk dawk it-tkaken, ukoll.

Inzerta li ta’ warajna ġew tard. U dehrilhom (kif smajnihom jgħidu) li kienet għarukaża li aħna ħadnilhom posthom; każ ta’ ‘injoranza grassa’.  Kemm domna hemm, sirna nafu min ma kienx hemm għax kien imsefer, u fejn, u għaliex;  min qiegħed ma’ min; x’kienu ser isajjru; kemm ġabu t-tfal fl-eżamijiet, eċċ, eċċ.

Lanqas il-qassis ma ħelisha. Meta beda jirreferi għall-mejjet b’ismu (kif kien fuq is-santa li tawna wara), waħda minn dawn qalet “Imma kemm hu ridikolu… ma jafx li kulħadd [#] kien isejjaħlu…”

Ħriġna mill-knisja, u x-xufier tal-karozza bit-tebut iddejjaq jistenna’ (għax it-traffiku kien ġejn min-naħa l-oħra u ħadd ma ċeda, għalkemm kien qala’ kemmxejn).

Mela, fettillu joħroġ ftit iżjed, u f’daqqa waħda isib trakk daqshiex qudddiemu, li kieku ma ġibidx il-brejk, probabbli li kien iħallih tal-kolp. Dawk li kienu għadhom hemm għamlu kjass. Min jgħajjat max-xufier tat-trakk għax imissu jistħi għax dan funeral; min ilum lil tal-karozza tal-mejjet; min jgħid kemm żdied it-traffiku…

U aħna? Għaġġilna lejn il-Hotel, għax cemplulna ħa jaraw fejn konna ħrabna

Abjad jew Iswed… mhux Griż!

Leħen Is-Sewwa 02/08/2014

Photo by eberhard grossgasteiger on Pexels.com

Mela darba, kien hemm skultur Ċiprijott jismu Pygmalion. Fettillu jonqox statwa tal-avorju ta’ mara li iżjed tard, issemmiet Galatea. Ġara li ffissa fuq l-istatwa u xtaq li kieku kellu mara eżatt bħalha. Din hi storja tal-Mitoloġija Griega, u hi ħaġa minn awl il-dinja li Ovid, fix-xogħol tiegħu Metamorfosi, jgħid kif l-alla Afrodite għamlet li l-istatwa ssir tad-demm u l-laħam.

Mela dak l-iskultur fil-veru sens tal-kelma kellu mara mhux talli eżatt kif xtaqha talli eżatt kif riedha u kif ħoloqha. Fil-letteratura nsibu eluf ta’ stejjer fejn il-mara takkomoda lir-raġel, jew għax tħobbu, jew biex ma titilfux.

X’inhu li jagħmel relazzjoni waħda tajba u dejjiema?

Qamet polemika dwar il-film imsejjes fuq il-kotba Fifty Shades of Grey. Uħud qed jgħidu li se jkun suċċess, filwaqt li oħrajn qed iħeġġu li jsir bojkott tal-fim għax mhux aċċettabbli. Il-ħelwa hi li hawn min qed jinsisti li dan hu biss fantasija, u li ma fiha xejn billi wieħed iqatta’ nofs siegħa (anzi iżjed) f’dinja tal-ħolm. U hawn, is-surrealiżmu tal-kummenti tikber, “għax films hekk jgħinuk tibni relazzjoni”. Il-kotba ma qrajthomx, imma qaluli li allaħares kellhom jiġu taħt idejja biex indurhom għall-qari tal-provi u l-editjar, għax kieku ntertaqhom.

U allura x’fihom dawn il-kotba u l-film pornografiċi u kontroversjali? Dorothy Pilarski, kittieba u ġurnalista mal-Catholic Register, u xandara fuq Radio Maria [Amerika], tkellmet sew fuq dan is-suġġett, iżda ħegget li jsir bojkot.

Li tgħid lin-nies biex jibbojkottjaw il-film ma taħdimx. Min ma kienx sejjer jarah xorta ma jmurx; u min kien sejjer ma jkunx jimpurtah mill-bojkott. U hawn Mata m’aħniex imdorrijin induru bit-tabelli madwar it-teatri biex inwissu li xi film hu oxxen.

  1. F’films bħal dan, is-sesswalità ma tibqax rigal mingħand Alla, iżda ssir arma mistmella f’idejn dak li għandu poter fuq il-mara; u dak li hu pervers jintwera bħala normali, jekk mhux ukoll ta’ gost.
  2. Films bħal dan jagħtu l-idea li dak meqjus normali hu ta’ dwejjaq jew ikrah, u wkoll jirridikolaw l-intimità u l-iskop tal-att konjugali. Filwaqt li l-assoċjazzjonijiet tal-psikjatri jiddikjaraw li xi azzjonijiet huma “mard psikotiku”, f’dawn il-films ma jitqisux hekk.
  3. Il-film jagħmel il-mara agħar minn biċċa laħam; l-umiljazzjoni qatt mhi sabiħa. Qatt m’hemm xejn “sabiħ” fil-kattiverja u fil-vjolenza, la fil-kamp tal-battalja, la fuq il-lant tax-xogħol, u wisq inqas fil-kamra tas-sodda.
  4. Il-pornografija tkisser il-familji. Aħseb u ara meta magħħa żżid il-vjolenza. La ddaħħalx lifgħat f’ħobbok.
  5. Is-sess qabel iż-żwieġ mhux romantiku, iżda ħażin.
  6. Jekk int ġenitur, qed tagħti eżempju hażin ferm lit-tfal.
  7. Jekk tiftiehem ma’ martek jew ma żewġek, jew ma’ sħabek, biex tmorru flimkien “għall-kurżità”, tkunu ressaqtu lilkom infuskom lejn il-ħażen, meta int suppost tkun dawl għall-passi ta’ dawn in-nies.
  8. Meta tara l-oxxenità sseħħ quddiem għajnejk, tkun poġgejt lilek innifsek f’okkażjoni dijabolika u ta’ dnub, li bħala Nisrani suppost li qed taħarbu.
  9. Meta tisma’ kliem ħażin iżarżru f’widnejk waħda wara l-oħra, bla ma trid tiftakarhom… u forsi tużahom ukoll.
  10. Raġel li jixtieq juża u jabbuża minn mara, xorta jkun qed jagħmel delitt, allavolja wara forsi jiksiha bid-deheb. Billi tikkollabora ma’ raġel vjolenti, ma tkunx sirt daqsu, iżda ssir tapit tiegħu.
  11. Tingħata l-idea li s-sess huwa ġugarell li tużah kif u meta trid, flok li hu xi ħaġa qaddisa.
  12. Tinsiex li jekk tmur tara film bħal dan, tkun qed issostni l-magna tal-ħniżrijiet li jsiru biss biex jimlew il-bwiet ta’ min jagħmilhom.

Tħallix lil min ibellgħek ir-ross bil-labra!

Parenting Plans Couples Make… Until They Actually Have Children

1. I’ll never post photos of my children on social media… Especially not those that will make them embarrassed if someone digs them up from the ether, when they are grown up. It’s not fair and it’s not safe.

2. I will never use disposable nappies, dummies, or milk formulae. That way, I will be safeguarding both my children and the environment.

3. My boys will never have scruffy shoes or torn jeans, and my girls will always wear girly dresses. Regardless of the fashion trends at the time, being always neatly turned out is not being a nerd; it’s what’s right.

4. My children will always be polite and caring. They will never be bullies. They will share what they have and do as they would be done by.

5. My children will never eat junk food. And they will never snack between meals. They will never take sugar or salt, and the only fats they will eat shall come from milk and cheese, and avocado.

6. My girls will not wear make-up until post-puberty. No, I will not even get them the Cutie Pie kits with organic vegetable eye-shadows and olive-oil based lipsticks.

7. No babysitter screens. They will not have an iPad to tote along with them, and they shall not watch television in the morning, before school. They will be with me, watching (and helping) me make their lunches and doing the chores and cooking so we’ll have a meal to come home to when we get back.

8. No cereals, bread, sweets, or tinned products. I’ll make them a fresh fruit and / or vegetable salad every morning, each one different from the one before it, and the one after it, for breakfast, and another one for school.

9. Nobody but I, will care for them. They are my children. I will nurture them until they get to kindergarten age. No nannas, nannies, aunties, friends, neighbours, or playschools. That’s what maternity leave is for, isn’t it?

10. I will never boast of my children’s accomplishments.  This would hurt those parents whose children are not as cute, clever, and capable as mine.

Biċċa Libsa

http://www.inewsmalta.com/dart/20150920-bi-libsa

 

  21.09.2015

Jeff Rouner, bħal ħafna ġenituri oħra, għandu d-dijadema bit-tifla li għandu.

Darba minnhom, din fettillha riedet tilbes il-libsa taċ-ċinga biex tmur l-iskola. Kienet għaddejja żiffa,  imma ma tarax li Jeff mhux ħa jikser qalb it-tifla fuq ħmerija? Allura taha basket bi ħwejjeġ oħrajn, f’każ li tħoss il-bard.

Għaldaqstant, ma ħadhiex bi kbira meta mar għaliha u sabha liebsa l-ħwejjeġ l-oħrajn, u l-libsa taċ-ċingi fuqhom. Imma, meta b’nofs ċajta staqsieha għaliex kienet biddlet, sibel meta qaltlu li l-ilbiesi biċ-ċineg mhux suppost li jintilbsu għall-iskola.

Kiteb fil-gazzetta li din bintu għandha biss ħames snin u li b’regoli fundamentalist bħal dawn, qed iġegħluha tistħi li hi tifla, u li qed jagħmlulha dannu psikologiku li ħa tibqa’ bih tul ħajjitha kollha. Wara kollox, saħaq, ta’ ħames snin il-bniet u s-subien ma jkollhomx sens li tifel hu differenti minn tifla.

Issa l-ħelwa hi li fl-għaġla tiegħu biex juri kemm hu bravu, is-Sur Rouner nesa ħafna u ħafna affarijiet.

Far meta ra lit-tifla liebsa “kollox” – imma ma qalilniex jekk kinetx hi li riedet terġa’ tilbes il-libsa fuq il-ġins u l-flokk.

Nesa wkoll li hemm il-loġika li tgħidlek li libsa biċ-ċingi ma tintlibisx minn tfal tal-Kindergarten mhux għax tnaqqas mill-modestja (argument sħun ieħor dan, għax meta ser tgħidilhom li hemm bżonn li ‘jgħattu’?) iżda għax jafu jkunu perikolużi.

Dan jgħodd ukoll għal affarijiet oħra wkoll – imsielet ħolqa, flipflops u krakar, u flokkijiet wesgħin ħafna.

Nafu kif it-tfal żgħar jilagħbu bla ma jqisu l-periklu. U mhux l-ewwel darba, fejn ma jkunx hemm uniformijiet, nisimgħu b’korrimenti jew anki traġedji, li ddur iddur issib li kienu ħtija ta’ xi ħaġa li ma kinetx adattata iżda li xorta ntlibset. “Imma Miss, inkella tagħmilli xenata…” “Imma Miss, mhux ħa niksrilha qalbha fuq ħmerija…”

Is-Sur Rouner għaxxaqha meta qal li ż-żgħira “anki biex tmur il-knisja” libsitha l-libsa. Mela allura, hu naqas milli juriha li fil-post li fih l-żjed li turi t-twemmin u l-fidi, għandek tilbes ‘sew’. U wara kollox, fil-knisja ma tiġrix ‘l hawn u ‘l hinn.

Saħaq ukoll li l-povra bintu hija vittma tas-sessiżmu.  Imma ma qalilniex jekk is-subien tal-klassi tagħha jistgħux jilbsu flokkijiet biċ-ċingi.

U fuq kollox dan il-missier, li għandu pjattaforma fil-midja, użah biex jagħti lezzjoni xejn sabiħa lil bintu; dik li meta ma taqbilx mal-awtorità m’għandekx għalfejn tirrispettaha, anzi għandek toħroġ qatta bla ħabel u tisfidaha, u ma tikkonformax mar-regoli arbitrarji. Għallimha li għandha tibqa’ tistaqsi “Għaliex?” meta xi hadd “li jikkmanda” jgħid xi ħaga li lilha ma ddoqqilhiex. U jekk iqisuha bħala tifla ardita? Ma wasalx s’hemm lanqas.

Dan meta t-tifla ma qalet xejn għajr li d-dress code tal-iskola ma tħallix li jintlibsu lbiesi biċ-ċingi, u li hu tant kien jaf li l-libsa ma kinetx adattata li taha tibdila magħha.

U kos… din l-istorja ma kinitx tiġri li kieku t-tfal kellhom uniformi.