…hekk kienet il-mistoqsija s-seklu l-ieħor. Aħna konna nwieġbu għalenija, Iva, jien Nisrani għall-grazzja ta’ Alla. Lil ħadd ma kienet tgħaddilu minn moħħu li b’nitfa sarkażmu jgħid U ajma, mela kieku qiegħda hawn, nitgħallem id-duttina?
Iżda mhux bilfors li nkunu nafu xi tfisser tkun Nisrani, kemm meta nkunu żgħar kif ukoll meta nikbru. Forsi ta’ madwarna, li jgħidulna li huma l-Insara kif għandhom ikunu, ikollhom dejjem wiċċhom imqarras, donnhom belgħu tazza meraq tal-lumi.
Jgħidulna li biex tkun Nisrani ta’ stoffa trid tisma’ l-Quddies kuljum, issum nhar t’Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa u ma titkellimx pastaż. Ma tridx tilbes indiċenti jew ma tgħidx il-veritá u ma tieħux dak li mhux tiegħek. Bħalma qal dak il-ġuvni għani, aħna nwieġbu li dan kollu aħna nagħmluh jew aħjar ma nagħmluhx. Għax dak li suppost nagħmlu biex ngħaddu mill-eżami ta’ jekk jistħoqqilniex nissejħu Nsara jew le, qisha appuntu lista ta’ le, le u le.
Issa wħud qed jinsistu li r-rifuġjati wkoll għandhom jgħaddu minn tip ta’ eżami biex naċċertaw ruħna li d-din tagħhom hi bħal tagħna u li ma jkunux “minn dawk” li taħt il-geżwira jkollhom xi pakkett gliċerina li jtajjar kulma hemm.
Billi ma jkunux ilhom hawn ħafna, ma nkunux nafu jmorrux Quddies il-Ħadd u żgur li m’għandhomx mnejn jagħtu karitá. Mhux biżżejjed li jkunu raw il-Mewt isinn il-minġel, huma u jaqsmu l-ibħra u li aħna niftaħru li fil-Bibbja stess hemm kemm nilqgħuh lill-barrani. “Għax mhux għal xi ħaġa, aħjar ikunu Insara għax inqas hemm ċans li jkunu terrorist”, qaltli ħabibti.
Għalxejn semmejtilha l-Catholic Reaction Force/Protestant Action Force; il-Christian Identity Movements; Il-Ku Klux Klan; il-Lord’s Resistance Army; in-National Liberation Front of Tripura; l-Antibalaka; l-Aryan Nation u l-Orange Volunteers… gruppi li żgur fuq li żgur mhumiex Musulmani. La ma kenitx semgħet bihom (ħlief il-KKK li qaltli li “spiċċaw”), akkużatni li qed nivvinta l-ismijiet biex indaħħaq.
Mela skont dawn, biex jidħol Malta, refuġjat irid juri li hu Nisrani. Nistaqsuh il-mistoqsijiet li hemm fil-Katekiżmu jew, ngħidu aħna, stejjer mill-Bibbja jew dwar is-Sagramenti u l-Kmandamenti u l-Preċetti tal-Knisja. Jekk ma jkunx jafhom, jintbagħat f’pajjiż fejn ir-reliġjon tal-Istat mhux dik Nisranija. U ma jindunawx li kieku vera kellhom jagħmlu hekk ikunu huma stess li awtomatikament weħlu mill-eżami.
L-ikbar Kmandament hu l-Imħabba. Li nħobbu wieħed lill-ieħor kif ħabbna Hu. Anqas ħaqq nippruvaw nivvintaw karta tal-eżami għal ħaddieħor meta ġa hemm waħda għalina. L-Opri tal-Ħniena juruna li kemm f’dawk li jmisssu l-ġisem kif ukoll f’dawk li jmissu r-ruħ, x’aktarx li baqalna sew x’naqdfu biex ngħaddu mill-eżami aħna, l-ewwel u qabel kollox.
Itma’ lil min hu bil-guħ; isqi lil min hu bil-għatx; libbes lil min m’ghandux ilbies; ilqa’ lil min hu bla dar; żur lill-morda; żur lill-ħabsin; idfen lill-mejtin… agħti parir lill-ħosbien; għallem lil min ma jafx; widdeb lill-midinbin; farraġ lill-imnikktin; aħfer il-ħtijiet; ħu pacenzja b’min idejqek; itlob lil Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Erbatax-il suġġeriment wiesa’ li mhux lakemm twettaqhom.
Tgħid kieku aħna ngħaddu mill-eżami qabel ma nippretendu li jgħaddi ħaddieħor?