Minute Minutes

I focus on my blessings
With an attitude of gratitude.
Content I have food to share;
Grateful my friend called me;
Happy to have a roof over my head, even though it leaks.
For I am alive.
I am secure in the knowledge
That I love, and that I am loved.
And that I have the gift of understanding, and the knack of empathy.
I am grateful. I am blessed.

Perfett, Eżatt u Preċiż

Domt kważi sagħtejn infittex par ingwanti tas-suf.l Ridthom kbar u bojod, sempliċi u bla tiżjin. Ħassejtni qisni qed infittex id-duwa tal-Maddalena. Tal-ħwienet kellhom tal-ġilda, tal-ħarir, tad-drapp, roża, suwed, bil-fjuri, bl-antaċċjoli u tal-bizzilla. “Ara dawn! Dawn sbieħ ukoll, Sinjura…il-Ħajta ħoxna u l-bizzilla folta hafna, kważi kważi perfetti kif tridhom int…”

Imma ma kienux – għax jien ridthom tas-suf, kbar, u bojod, sempliċi u bla tiżjin.

F’wieħed mill-ħwienet li żort, in-naħa ta’ ġewwa, kien hemm tfajla tillima difrejha. “Idħol”, għajtitli, b’ħanġra daqshiex.

Plaqq! Ħoss kważi ta’ terrimot. Ħarist warajja biex nara kienx hemm xi trakk li tela’ fuq xi tappiera u sfrondha. “Għedtlek idħol!” reġgħet werżqet. Plaqq oħra. It-tfajla ġiet tiġri għax indunat li ma kenitx tellgħet ix-shutter biżżejjed, u l-kienet qed tieħu skoss mal-bieba tal-ħġieġ kull darba li tasal kważi eżatt fuqnett.  

Cyntha ħxienet. Billi n-neputija stednitha biex tkunilha xhud fit-tieġ, qalet bejnha u bejn ruħha li aħjar tixtri libsa ġdida, biex toħrġ ta’ nies. Mela, għogbitha waħda pistaċċa; imma ż-żipp ta’ wara ma kienx jitla’ sa fuq. Jasal sar-rombli, u jeħel, bħax-shutter tal-ħanut.

“Tibżax,” qaltilha sidt il-ħanut. “Hekk jew hekk, ikollok il-ġakketta, u biha tgħatti kollox, u tkun tidher perfetta.” “U mela, żgur; l-iżjed meta nkun dari lejn il-bqija tal-kongregazzjoni, fl-ewwel bankijiet tal-knisja. Ħallini minnek, tridx.” Libset u telqet ‘il hinn.

Pauline rat ġakketta fl-armatura tal-ħanut. Daħlet biex tippruvaha, iżda l-kmiem ġewha qsar. Il-ġuvni li kien qed jaqdiha taha sew x’tifhem li kien ħa biċċa xogħol papali biex neħħieha minn fuq il-figorn u li jekk tħalli l-buttuna tal-pulzier miftuħa, mela allura, il-kmiem jiġu twal biżżejjed, preċiz mal-polz.

Kathleen tefgħet post fuq facebook. Staqsiet minn fejn tixtri hoover. Xi erbgħa ħelwin qabżu fuqha, u qalulha li jekk riedet vacuum cleaner, mhux bilfors kellha tkun Hoover, u jekk riedet propja Hoover, kellha tiktibha b’ittra majuskola, biex il-kliem ikun eżatt.

Tant intqal kliem vojt, li fl-aħħar Kathleen spiċċat biex neħħiet il-post. Ma qalitx jekk xtratx vacuum cleaner ta’ ditta oħra, jew Hoover.

Janice iddubbat ir-riċetta tal-mili tal-qassatat mingħand il-kunjata. Billi ma tħobbx il-kappar, ma użatux. Minflok, mat-taħlita, tefgħet ftit kapunata, u ovvjament it-togħma ma kienetx eżatt bħal tal-oriġinali. Kull min b’kumbinazzjoni daqhom it-tnejn qal li ta’ Janice ferm itjeb minn ta’ omm żewġha; u kien hemm min qal li kienu perfetti.  

Josephine u sħabha marru Tas-Sliema. F’daqqa waħda waqqfithom ħesrem u ssuġġeriet li jmorru jieħdu kafé. “Inħallas jien!” qalet. Hi qagħdet bilqegħda darha lejn il-ħajt. Meta kulħadd kien mehdi jmaxtar il-pastizzi u jsefsef fil-kafé, qamet, daret, u ddrittat l-inkwadru li kien hemm warahja, li kienet ratu mxattar minn barra l-ħanut. Ġietha għalja, imma kienet kuntenta u sodisfatta, għax issa kien preċiż invell.

Kollha kemm aħna nagħtu tifsiriet differenti l-kliem perfett, eżatt u preċiż. Aħna l-puntiljużi nsostnu li dan il-kliem ma jfissirx l-istess. Il-mili tal-qassatat, għal uħud, kien perfett iżda ma kienx eżatt bħal tal-kunjata. Il-libsa li rat Cynthia kienet tkun eżatta, skont tal-ħanut. Imma ma kienetx… U l-kmiem tal-ġakketta li xtaqet Pauline kienu jaslu preċiż sal-pulzier… kieku ħalliet il-komma miftuħa.

Il-verità hi kwalità assoluta, iżda l-prinċipji bażiċi nnitfuhom jew nirrakmawhom biex isostnu l-fehmiet tagħna, u juru li aħna dejjem għandna raġun. Imma l-obbligi morali tagħna ma nistgħux nilagħbu bihom qishom biċċa plasticine li ngħaġnuna kif irridu. Għalxejn ingiddmu minnha minn hawn u minn hemm biex inġibuha taqbel ma’ dak li għandna f’moħħna.

Il-verità hi perfetta, eżatta u preċiża.