Iss’Mbagħad Narak

Mela, darba waħda, ċemplitli ħabiba tiegħi, u fejn soltu, bla nifs, tgħidli li qed taħseb fija, u mgħaġġla, u jekk irridx niltaqgħu għall-kafe imma mhux il-ġimgħa d-dieħla, ta’ wara, għax għandha affarijiet important (jiġiefri jien fil-kategorija tal-mhux important?) x’tagħmel, din id-darba giet bil-lajma l-lajma, tant li jien ħsibt li ġħandha xi aħabar ħażina u ħa ttiehli bil-mod il-mod.
“Isma’ Tan,” qaltli, allaviolja taf sew kemm niddejjaq min ma jsejjalix b’ismi sħiħ. “Għandi proposta għalik…”
U jien missejt il-lixka.
“Ara, bi ħsiebni noħroġ magazine… mhux website, tafx, għax dik kulħadd jaf jagħmilha… imma online, ta, għax il-karti jiswew il-flus, u insomma, nibżgħu għall-ambjent. Insomma, naf li int tħobb tikteb ħafna, u għedt bejni u bejn ruħi, li din tidħol għaliha żgur. Tkun l-editur int, u tiddeċiedi fuq il-kontenut, u hekk ikollok exposure tajba, għax int s’issa qatt ma kont editor ta xejn, hux, hlief meta tikkoreġi l-kotba…”
Għażilt li ma nikkummentax fuq l-insult… forsi biex iżjed timmaġina li jien baħbuħa li kont ser nibla’ l-lixka.
“Minuta…” għedtilha. “Jiġifieri int qisek qed tgħidli li tiprretendi li ħa nfittex lil min jikteb, jew nikteb kollox jien, u ma tħallasx sold, la lili, u la lill-oħrajn, biex bħal ikolli l-unur li nissejjaħ editur ta’ publikazzjoni online.”
Is-sarkażmu għadda dritt minn fuq rasha. “Iva, mela. Mhux tajjeb, jew? Ara, jien għedt nagħmluh bl-Ingliż biex anki barra minn Malta nxerrduh. Għandi kuntatti l-Kanada u l-Amerika u Brussels u L-Inghilterra. Nies imlaħħqin, tafx. F’pożizzjonijiet li jistgħu jgħinuk jekk ikollok bżonn xi ħaġa…. Naf kemm int tajba, u tħaffef fix-xogħol. Meta nibda’ nagħmel il-qliegħ mir-riklami, forsi nkun nista’ nħallsek xi ħaġa, imma għall-bidu, taf int, kollox iebes… u l-finanzi ma jtunix li għalissa noħroglok allowance…”
Kieku kien l-ewwel t’April, kont ngħidilha kemm ammirajta li ħarġet bi ħlieqa bħal din. Imma din it-telefonata saret iżjed tard matul is-sena. Bl-edukazzjoni kollha, għedtilha li ma kontx interessata. U staqsietni għaliex – jekk kontx marida, jew jekk kellix ħafna xogħol iehor, jew forsi għax qbiżt is-sittin u qed immajna u nitgħażżen.
Kieku dawn is-sentimenti smajthom fuq xi telenovela, insomma f’xi farsa fis-sala tal-Kappillan, kont ngħid li huma esaġerazzjonijiet.
Ma weġibtx, u staqsietni kienx weħilli ilseini, u li qatt ma kienet immaġinat li jien nagħmel għall-flus, u li kont egoista u qammiela, u li ma kontx naf x’qed nitlef. Kollox f’nifs wieħed. Tgħid, kellha script?
Bil-ħlewwa għedtilha li iva, kont naf x’qed nitlef – exposure mad-dinja kollha… u żidt li madanakollu xorta ma kontx interessata. U sabtitli t-telefon. U wasallii li marret tgħid man-nies li “ma nafx kif saret dik, taħtaf lil kulħadd”…
Din il-problema tax-xogħol bla flus hija endemika, b’mod partikolari għal dawk fl-oqsma kreattivi.
Hawn minn jippretendi li għax il-ħabiba taf tpitter, jew tinnaviga bil-kompjuters, jew tħit, jew issajjar… mela allura, is-servizzi tagħha għandhom ikunu pro bono għal ta’ ġewwa, għax wara kollox, riklam tajjeb ser jagħmlulha, u xorta tkun ser iddabbar il-mijiet tal-€wro mix-xogħol li ser jidħlilha meta tiġri l-kelma.
U biex inkunu għedna kollox, l-istess jiġri meta l-ħabiba tiegħek tkun perit, jew tabib, jew skultur. Jekk ifettilha tibgħatlek ir-rati, jew stima, jew allaħares qatt, il-kont…. ħoll xagħrek u ġib il-mantikilja.
Kull min għandu ħila mistenni li mhux talli jgħallem lill-oħrajn, talli jagħti d-doni tiegħu b’xejn, jekk mhux ukoll iħallas, jew almenu jagħti riġal li jiswa’ kemxa, talli xi ħadd bħal qed iħenn għalih u jxandar ismu u xogħolu fuq ir-radju jew fuq il-gazzetta…
U jekk dak li jkun qed jaħdem, kif kien minn ewl id-dinja, biex jaqla’ xi ħaġa? Mitt darba u elf li min jixtieq jużak (għax dik biss hi l-kelma eżatta) dan jafu sew… imma tkun meqjusa b’tosta jekk titlob dak li għandu jkun tiegħek bi dritt. Ngħiduha kif inhi – ħafna minna li għanda xi talent, ikun x’ikun, nagħtu ħafna xogħol b’xejn, kemm jekk nagħmlu dan bħala volontarjat, u kemm jekk għax hekk fettlinlna. Iżda l-punt tiegħi hu li rridu nkunu aħna minn jeddna li nagħmlu dan, mhux li jiġri hekk għax iddeċiedilna xiħadd ieħor.
Qabel ma tassumi li ser tiddobba l-pjanta tad-dar b’xejn, u qabel ma timmaġina l-libsa tat-tieġ meħjuta u lesta, u qabel ma jfettillek tippjana mawra għax mingħalik li l-biljetti ser jingħatawlek b’rigal… itlob il-pjan tan-negozju lil min ser jipprovdilek il-ħaġa, jew is-servizz. Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu – u dan il-ħlas jista’ jkun tpartit; jien inħitlek il-purtieri sakemm int tbajjadli l-kamra…
Minn-naħa l-oħra, dawk kollha li jkunu mitluba jagħtu xi servizz, tajjeb li jibgħatu r-rati tagħhom lil kulħadd, anki lil dawk li ma jitolbuhomlomx – u speċjalment lil dawk li jgħidulek “imbagħad narak”. Forsi jkollok tiddeċiedi x’tippreferi – li tmur qabda €wro minn taħt, jew li titlef ħbiberija li ilha mill-klassijiet tal-primarja… jew li turta lil xi ħadd li forsi tiġi bżonnu biex iħokklok dahrek iżjed ‘l quddiem.
U, bilħaqq… dan il-magażine li semmejt, baqa’ qatt ma ħareġ.