Fleur u Lee – Il-Qattusa

Kienet ġurnata sabiħa; waħda minn dawk li tgħidlek oħroġ. Imma l-għalliema ma tistax taqbad u toħroġ lit-tfal mill-iskola biex toħodhom passiġġata, u għalhekk, Miss Marija għamlet li setgħet.

‘Jekk tlestu malajr, u ħadd ma jtellef [u hawn ħarset lejn Lee u Leona], inkunu nistgħu ninżlu fil-bitħa ta’ wara, xi ħames minuti qabel il-ħin, u ndumu ħames minuti wara, wkoll. Minbarra l-kolazzjon, iġġibu magħkom il-Pitazz tal-Vokabularju, u d-dizzjunarju, biex ma naħlux ħin, u titgħallmu xi ħaġa wkoll.’ James ħabat ser jilmenta, imma Zak tah daqqa bil-minkeb, u ma qal xejn.

Fil-klassi waqa’ skiet perfett, sakemm it-tfal ħadmu s-somom u kitbu t-tweġibiet fil-workbook tal-Ingliż, għax kollha kemm huma xtaqu jinżlu jgawdu dik is-sema ċelesti, u l-arja sħuna iżda b’żiffa ħafifa.

It-tfal intasbu mal-art, fid-dell taċ-ċnut, u Miss Marija tathom il-karta li fiha kienet kitbet mitt kelma, waħda taħt l-oħra, biex isibu t-tifsira tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, Fleur, Alison, u xi tnejn oħra ma kellhomx għalfejn ifittxuhom kollha, għax kienu jafu ħafna minnhom. Lestew qabel l-oħrajn, u setgħu imorru jippassiġġaw ftit.

‘Dan x’ħoss hu?’ staqsiet Carla. ‘Jien ma smajt xejn…’qal Gerard.

Carla ġriet lejn minn fejn kienet semgħet il-ħoss ġej. Kien hemm ferħ ta’ qattus griż, il-pil tagħha qisu marrab u maħmuġ, u għajnejha mdellkin bi żlieġa.  Alison kienet diġa tbaxxiet biex tiġborha. ‘Le, le, tmisshiex, għax jekk ommha xxomm ir-riħa tiegħek, ma tibqax tieħu ħsiebha…’ qalet Fleur. ‘Mur għid lill-Miss, ħa naraw x’ħa nagħmlu.’

Gerard niżel kokka u beda jkellem lill-qattusa. ‘Hawn, sabiħa. Dan kif qegħda hawn, waħdek? Fejn hi l-mama? Naħseb li għandek il-ġuħ, hux?’

Sadanittant, kienu waslu Miss Marija u l-bqija tat-tfal. Miskina, twerwret meta semgħet dawk l-ilħna kollha. Vivienne, waħda minn dawk li jżommu l-iskola nadifa, inzertat rat lit-tfal qaqoċċa mit-tieqa tal-kċina, u fethitha biex tistaqsihom x’ġara. Qalulha, u fil-pront fetħet bott tonn taż-żejt minn tagħħa, u ħaditilha ftit fi sjuna. Xammitu minn seba’ mili bogħod, u waqqfet widnejha, għalkemm ma felħitx tqum. Belgħet l-ikel, u ppruvat tferfer denbha.

Kien sar il-ħin biex it-tfal jitilgħu fil-klassi, u Vivienne qaltilhom li kienet ser tagħtiha titwila kultant, biex tara tiġix ommha. Imma din baqgħet ma dehritx. L-għada filgħodu, Vivienne qalet li sakemm sarilha l-ħin biex titlaq, il-qattusa kienet għadha ma stejqritx, u kienet ġabritha f’xugaman u ħaditha għand il-veterinarju.

Dan kien naddfilha għajnejha, u l-pil, u ta xi mediċina għax kienet ma tiflaħx. Ġara wkoll li daħlet klijenta u ratha, u ħadet grazzja magħha, u ħaditha d-dar magħha.

M’għandniex xi ngħidu, it-titlu tal-komponiment tal-Malti li Miss Marija tat lit-tfal għal dik il-ġimgħa kien ‘Qattusa Griża’.

Leave a comment