Tfal ta’ “barra minn hawn”

Mela darba, fl-gżira tal-Uwijja, fir-raħal ta’ Mnejnsafejn, il-Ministru tax-Xogħol, Ġustizzja, u Libertà mar jiekol ma’ ħutu u l-familji tagħhom, u xi nofs tużżana galoppini minn  tiegħu.

Fuq il-mejda ta’ ħdejhom inzerta kien hemm aħna, u fuq in-naħa l-oħra, familja oħra. Ħin minnhom, waħda mill-bniet waqqgħet tazza luminata. B’leħen għoli li nstema’ mar-restorant kollu, il-mara li kien hemm bilqegħda kważi f’ħoġor il-Ministru, qaltilha, “Puuu għalik, kemm int bla grazzja u ħoxna, bħal ommok…”

Jien assumejt li din kienet omm qed tiċċajta ma’ bintha b’mod goff. Qatt m’għaddieli min moħħi, kif indunajt wara, mid-diskors li sar, li hi kienet il-maħbuba tal-missier.

Ftakart li dan il-Ministru kien ta intervista, għal ħabta tal-Milied, fejn osserva kif f’din l-art ħelwa, il-Gżira tal-Uwijja, kienu qed jiżdiedu bir-radam il-familji bi problemi. Kien qal li kien bi ħsiebu jwettaq programm ta’ ristrutturar, mill-qiegħ nett, tal-Fondazzjoni għall-Ħidma, Ġustizzja, Ugwaljanza, u Libertà.

Kien qal li bi ħsiebu joħloq Liaison Office fejn setgħu jmorru, ngħidu aħna, għalliema, membri tal-kleru, u dawk kollha li b’xi mod jaħdmu fil-komunità biex jidentifikaw dawk il-familji li jkollhom xi bżonnijiet, u forsi jistħu jirrikorru huma nfushom. B’hekk, il-problemi jintlaqgħu fi stadju bikri, qabel ma jkun tard wisq.

Naħseb li dik l-imbierka ikla baqgħet tberrhen f’moħħ il-Ministru tal-Ħidma, Ġustizzja, Ugwaljanza, u Libertà, għax wara xi gimgħat ħareġ stqarrija li kienet tghid li l-fostering permanenti mhux xi ħaġa à la carte.

X’ħin, bħala l-Korrispondenta Maltija għall-Gżira tal-Uwijja, smajt dawn il-kliem fl-Aħbarijiet ta’ stazzjon tar-radju li suppost huwa newtrali, tmeżmist. U bħali, mid-dehra, għamlu ħafna oħrajn, għax it-telefon ma qatax, meta kien hemm programm ta’ diskussjoni mmexxi mill-kuġin tal-mara ta’ ħu l-Minstru tal-Ħidma, Ġustizzja, Ugwaljanza, u Libertà…

Il-Ministru tal-Ħidma, Ġustizzja, Ugwaljanza, u Libertà qal diskors li kull min qatt xtaq jaddotta jew jagħmel ‘fostering’, anke jekk ma waslux biex għamlu hekk, qiesu kliemu bħala nsulti, wieħed wara l-ieħor.

L-Onorevoli qal li min irid ‘fostering’ permanenti ma jkunx lest li jagħti lit-tfal id-drittijiet tagħhom. Għax it-tfal għandhom dritt li jaraw lill-ġenituri tagħhom; l-istess ġenituri li b’Care Order, u mhux kif laqat ħabat, m’għadhomx magħhom. Nassumi li sfortunatament, min tah il-‘briefing’ ma kellimx lin-nies li kellmu lili.

Saħansitra l-isem Out-of-Home-Care Protection Bill, urtahom lin-nies; “Meta aħna naddottaw jew niffosterjaw ma tkunx ‘home’ tagħna, ukoll?” staqsewni. Għidtilhom li mhux lili kellhom jistaqsuha din, iżda lill-Ministru tal-Ħidma, Ġustizzja, Ugwaljanza, u Libertà.

Demmi kesaħ meta bdejt nisma’ l-istejjer ta’ x’jiġri meta ġenitur jingħata aċċess għal wild li kien “ittieħed” lilu. Għajjat, tgħajjir, theddid, kattiverji, swat – u rari li jeħel xi ħadd il-ħabs waħda sew. U ngħiduha kif inhi, ma tantx hawn ġirien li lesti jitilgħu l-Qorti jixhdu li raw tifel għarwien, kobba, bil-lejl, fuq il-bejt, iħaddan lill-kelb biex forsi jisħon ftit; jew li ħassew l-għamara tiġi mbottata tul kamra; jew li semgħu twerżieq kbir; jew li ġiet ambulanza tieħu lil xi tifel l-isptar għax “waqa’ t-taraġ għal wiċċu u farrak snienu u kiser il-kustilji”… jew li raw xi tfal ifittxu fiż-żibel. J’alla dawn il-każijiet, li ġraw fil-Ġżira ta’ Uwijja, meta siefirt biex nagħmel ir-riċerka tiegħi, ma jiġrux hawn Malta. J’alla ebda tifel qatt iżjed ma jmur lura għand min ikun qed jagħmel fostering, maħmuġ jinten, b’ġuħ ta’ nagħma, u bil-qamel, la f’Uwijja, u lanqas f’Malta. Mhux biżżejjed ikunu raw dawn it-tfal… dak li jkun jonqoshom.

Hawn min jagħżel li jagħmel fostering, għax m’hawnx tfal għall-adozzjoni. U hawn min ma jkunx irid li t-tfal tiegħu jkunu addottati għax “jew miegħi, jew ma’ ħadd”. Min-naħa l-oħra, kull min xi darba għamel fostering, jgħidlek li t-tfal jistaqsuh jekk hux se jibqgħu magħhom sakemm jikbru.

Il-Ministru tal-Ħidma, Ġustizzja, Ugwaljanza, u Libertà qal li hawn min ma jridx jaddotta għall-finijiet ta’ moħħu. U lili qaluli li fil-privat qal li mhux kulħadd Madonna jew Angelina Jolie. Anke jekk trid taddotta tifel wieħed biss, mhux kulħadd butu jwassal biex jonfoq dawk il-flejjes meħtieġa biex imur barra għal dan, għax mill-Gżira tal-Uwijja, bħal ma jiġri f’Malta, rari jkun hemm tfal li jistgħu jiġu addottati.

L-Onorevoli saħaq li ma jistax ikun li t-tfal jinħbew mill-ġenituri tagħhom għal dejjem ta’ dejjem; u niftakru li Uwijja iżgħar minn Malta. Għarraf lill-pubbliku li fis kellha titwaqqaf aġenzija li tieħu ħsieb kemm il-fostering, kif ukoll l-adozzjoni, li tkun entitá li ma jkollha x’taqsam xejn ma’ dik li hemm bħalissa f’Uwijja.

Ngħid jien, la f’dik il-gżira diġà għandhom entità li tieħu ħsieb dawn is-sitwazzjonijiet, il-għala nħasset il-ħtieġa li jkun hemm oħra? Possibbli li f’Uwijja tant se jibda jkollhom tfal għall-fostering u adozzjoni, li hemm bżonn waħda għal nofs il-pajjiż, u oħra għan-nofs l-ieħor? Jew ried jgħid li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, mhux kollox kien miexi fuq ir-rubini? Lili bagħtuni f’Uwijja biex nirriċerka ħaġa waħda, u minflok sibt geġwiġija papali.

Insomma, sal-aħħar tas-sena, qal il-Ministru tal-Ħidma, Ġustizzja, Ugwaljanza, u Libertà, Uwijja se jkollha liġi li tkopri l-fostering u l-adozzjoni. Għadu ma jafx, qalli, imma, jekk hux se jissemma l-fostering permanenti, li qisu adozzjoni, imma m’huwiex. Ma ngħaġġlux, kienu l-kliem eżatti li uża.

Leave a comment