Fleur u Lee – Bullying

Miss Marija fesfset xi ħaġa f’widint Miss Yvonne.

Carla u Chelsea, li nzertaw kienu fil-bank ta’ quddiem l-iskrivanija tal-għalliema tagħhom għal dik il-ġimgha, ippruvaw jissemmgħu biex jaqbdu xi ħaġa milli kien qed jintqal.

Iva… larinġ… jew banana…. qargħa ħamra, tgħid? Inċempillu… nhar il-Ħamis, forsi… sewwa, mela.

Miss Yvonne telqet lura lejn l-Uffiċju. It-tfal bdew igedwdu bejniethom, għax kienu jafu li kien hemm xi ħaġa ppjanata għal din l-ewwel ġimgħa tal-iskola. Miss Marija ma riedet tgħidilhom xejn.

Waslet il-ġurnata tal-Ħamis. It-tfal, kollha eċitati, daħlu fil-klassi.

Fuq il-mejda ta’ hdejn il-bieb, kien hemm qargħa ħamra. Fuq il-mejda ta’ hdejn it-tieqa, kien hemm qargħa ħamra oħra.

It-tnejn kellhom qoxra sabiħa, imnaqqxa. It-tnejn kienu sbieħ fil-għajn. Miss Marija kellimithom dwar il-qargħa twil, il-qargħabali, u l-qargħa ħamra. It-tfal qalu x’kienu jafu. Christiaan qal li n-nanna timla l-aqrgħa twila fil-brodu, Larissa qalet li ommha timla l-qargħabali fil-forn; Fleur u Lee qalu kemm iħobbu t-torta tal-qargħa ħamra… u Jade qalet li ommha tippreferi l-qargħa Torki għall-kawlata, għax tgħid li iżjed tqgħaqqad.

Imbagħad, Miss Marija bdiet il-lezzjoni propja.

Qaltilhom biex jippuntaw subgħajhom il-werrej lejn il-qargħa ħamra ta’ ħdejn il-bieb, u jgħidulha xi ħaġa kerha. Għall-ewwel ma fehmux, it-tfal, imma wara ftit, malajr qalulha “X’riħa tinten għandek.” “Kemm int żmoċta.” “X’ġejt tagħmel hawn, ħadd ma bagħat għalik!” “Il-kulur tal-qoxra tiegħek mitfi wisq.” U ħafna kummenti simili. Fleur biss ma riedetx tkompli magħhom.

Anthea staqsiet lil Miss Marija x’kienu ser jgħidu lill-qargħa ħamra l-oħra. “Mela, tfal, irridkom tgħidulha affarijiet sbieh…”

U bdew. “Ajma kemm inhobbhom iż-żerriegħ tiegħek, imnixxfin u nkaljati!” “Kemm tagħmilha tajba l-minestra!” “Kemm inħobbok għax inħobb l-oranġjo!” “Il-fniek ta’ ħija xalata jagħmlu meta jtihom biċċa qargħa ħamra…”

Mela, mill-basket, Miss Marija ħarġet sikkina, resqet lejn it-tieni qargħa ħamra, u siltitha mill-kuperċ. Qatgħet porzjon mill-qargħa ħamra, qisha qed taqsam kejk, u wrietu lit-tfal.

“Araw xi ġmiel, tfal. Kollox perfett – il-kulur, il-laħma, iż-żerriegħa…”

“Iva, vera, Miss Marija,” qalu t-tfal, qishom bil-kor.

“Ħa naraw l-oħra, Miss!” qal Lee, li bħas-soltu ma kellux paċenzja jistenna’.

Miss Marija mesħet is-sikkina, tefgħetha fl-għant ckejken tagħha, u marret lejn il-qargħa ħamra l-oħra.

X’ħin qasmitha, u wriethom il-porzjon, kollha staġgħbu. Dan għax bil-moħbi, Miss Marija kienet għamlet żewġ toqbiet żgħar, u tefgħet ftit ħall, xi jumejn qabel. Dan kien nawwar il-qargħa ħamra minn ġewwa. Wara, ferrgħet il-ħall ‘l barra, u mmarkat il-qargħa ħamra b’tikka ħadra biex tagħrafha mill-oħra.

It-tfal, x’hin raw il-laħma u ż-żerriegħa kif kienu saru, skantaw.

“Qed taraw, hux, tfal, kemm hu ikrah il-bullying?”

Leave a comment