
Id-dar tal-Belt li darba kienet tan-bużnanna Lina kienet ilha aktar minn tletin sena ma tinfetaħ. Minflok ċavetta, in-Nanna Kitty kellha muftieħ daqsiex. Saħansitra mill-isprall tal-kantina kien qed jixref il-ħaxix ħażin. X’riħa taqsam ta’ umdu ħarġet meta nfetaħ il-bieb! L-għamara kienet kollha mgħottija b’lożor daqs dinja, li darba kienu bojod, iżda issa miksijin bit-trab.
Fleur u Lee ħassewhom li kienu fil-film Ghostbusters, u f’kemm ilna ngħidu, telgħu u niżlu mis-sular ta’ kif tidħol, sa fuq il-bejt, u sal-kantina, xi tliet darbiet.
Kellhom subgħajhom jikluhom biex jaraw x’kien hemm taħt il-lożor. In-Nanna Kitty qaltilhom, ‘Neħħuhom bil-mod għax inkella jtir ħafna trab.’
Daħlu fil-kamra tas-sodda, li kellha t-tieqa tagħha tagħti għal fuq il-baħar. Fleur u Lee żammew il-lożor mit-truf, u twewhom flimkien bil-galbu biex it-trab ġie n-naħa ta’ ġewwa.
Lee, ta’ kurjuż li kien, beda jiftaħ il-bibien tal-gwardarobbi u l-kxaxen tat-twaletta u tal-armarji. Induna li r-raba’ kexxun, dak ta’ isfel, tal-gradenza ma setax jinfetaħ. Għalxejn ġebbed u ġebbed … kien weħel.
Fleur, bil-ħlewwa kollha, reġgħet għalqitu, tatu xi żewġ skossi ħfief, u ppruvat tiftħu… u din id-darba nfetaħ. Indunat li kien hemm invilops mitwija pulit fih. “Ara! Għalhekk kien qed iżomm, mela!” qalet.
In-Nanna Kitty fetħet l-invilops u fih sabet mappa. Pjanta ta’ dik l-istess dar, u salib aħmar kbir bil-kelma ‘Hawn!’ ħdejh. X’ħin raw il-mappa, It-tfal bdew jaqbżu bl-eċitament. Flimkien, ippruvaw isibu l-post fejn kien jidher bil-kelma ‘‘Hawn’’ ħdejh fuq il-mappa, iżda kien kollu għalxejn. Fejn suppost kien immarkat li hemm armarju, ma kien hemm xejn ħlief ħajt vojt.
Lin-Nanna Kitty ħebbritha qalbha, u ħabbtet ħelu ħelu mal-ħajt. Il-ħoss tat-taħbita wera biċ-ċar li dak ma kienx ħajt solidu tal-ġebel, iżda njam miżbugħa eżatt bħat-tliet ħitan l-oħra, biex kollox ikun pariġġ.
In-Nanna Kitty xejret daqtejn ta’ siġġu mal-ħajt. Għamlet toqba kbira bid-daqqa li tat, għaliex bl-umdità l-injam kien sar tabakk. Neħħew il-bċejjeċ minn madwarha, sakemm deher biċ-ċar li l-kamra tas-sodda, qabel kienet ħafna akbar.
Kien hemm armarju moħbi wara t-taparsi ħajt, li fil-kxaxen kien fih ħafna boroż b’muniti li t-tewmin qatt ma kienu raw bħalhom. Kien hemm borża mmermra tal-ħarir li fiha kien hemm ħafna ċrieket u ċpiepet u msielet tad-deheb, imżejna bil-ħaġar prezzjuż.
Kulħadd baqa’ ssummat. Ħadd ma qal xejn. Kien jinstema’ biss il-ħoss tal-baħar ta’ taħt is-sur, donnu kien irid ikun jaf x’qed jiġri. In-Nanna Kitty u t-tfal ħadu kollox fuq is-sodda.
“Din… din mhux xi ħaġa li taqbad u toħodha, qisek sibt €2 barra,” qalet bil-kemm tinstema’. Għajnejha mtlew bid-dmugħ, għax ħasset il-piż li waqa’ fuq spallejha.
Fleur, li kienet sensittiva għall-bidliet fil-vuċi tan-nanna, resqet eqreb lejha. “Imma nanna… issa li d-dar hi tiegħek, dawn ukoll tiegħek, hux hekk?”
In-Nanna Kitty tbissmet tbissima ċkejkna, għaqlija. “Mhux dejjem hekk jiġri, qalbi.”
Qagħdet bilqegħda fit-tarf tas-sodda, u ħadet nifs ‘l ġewwa. “F’Malta, jekk issib teżor, speċjalment jekk hu qadim ħafna, jew jidher li għandu valur storiku, il-liġi titlob li tinforma lill-awtoritajiet. Mhux għax iridu jeħdulek kollox, imma għax dak li hu antik, hu parti mill-istorja ta’ kulħadd.”
Lee fetaħ għajnejh beraħ. “Allura ma nistgħux inqassmuhom lil min irridu?”
“Lanqas inbiegħuhom, kieku?” żiedet Fleur, b’leħen aktar kawt.
“Ma tarawx,” wieġbet in-Nanna Kitty bil-ħlewwa. “Skont il-liġi, kull skoperta bħal din trid tiġi rrappurtata fi żmien qasir lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Jekk dawn il-muniti u l-ġojjelli jkunu antiki biżżejjed, jistgħu jitqiesu li huma teżor nazzjonali.”
Waqqfet ftit, u mbagħad kompliet, “Imma l-liġi mhix bla qalb. Normalment, min isib dik li jgħidulha “trovatura”, u min hu s-sid tal-post, ikollhom dritt għal kumpens, jew premju. Mhux dejjem bil-flus biss… kultant bl-għarfien li tkun għamilt dak li hu sewwa.”
It-tfal ħarsu lejn xulxin. L-eċitament kien għadu hemm, imma issa kien imħallat ma’ rispett ġdid, u forsi xi ftit diżappunt, ukoll.
“U l-bużnanna Lina?” staqsiet Fleur. “Għaliex ħbiet kollox?”
In-Nanna Kitty ħarset lejn il-ħajt imkisser. “Min jaf? Forsi kienet għaddejja minn żmien diffiċli. Qatt ma tat ħjiel ta’ xejn. Forsi kienet qed tipproteġi dak li kellha. Kien x’kien, illum, ir-responsabbiltà hi tagħna.”
Qamet, u għalqet il-kxaxen tal-armarju bil-mod. “L-ewwel nagħmlu dak li suppost. Mhux illum, imma, għax ma nħossnix sew, bil-qatgħa li ħadt. Imbagħad naraw x’se jsir. It-teżor veru,” qalet, waqt li poġġiet idejha fuq spallejn it-tewmin, “hu li nafu nkunu onesti, anke meta ħadd ma jkun qed jarana.”
U l-baħar ta’ taħt is-sur donnu ħabbat mal-blat b’ritmu iżjed kalm.
L-għada filgħodu, id-dar tal-bużnanna Lina kellha awra differenti. Mhux għax laħqu naddfuha mill-għanqbut u t-trabijiet, iżda għax issa kienet taf li s-sigriet li kienet ilha ġġor bejn erba’ ħitan, kien inkixef. In-Nanna Kitty qamet kmieni ħafna, u reġgħet marret fid-dar. Perrċet it-twieqi beraħ, u ħalliet id-dawl jidħol fuq l-għamara, fuq it-trab, u fuq il-ħajt miksur li kien żvela kollox. Ftit wara, waslu t-tewmin.
Bil-kalma tagħha tas-soltu, għamlet telefonata. Leħinha kien ċar u sod. Kellmet lil min kellha tkellem, u spjegat x’sabet, fejn, u għaliex kienet temmen li s-sejba kienet importanti. Ma għaddiex wisq ħin qabel ma qalulha li kienu se jibagħtu lil min jifli s-sit.
Malajr waslu ż-żewġ uffiċjali, wieħed b’fajl mimli dokumenti, u l-ieħor b’żewġ kameras mdendla ma’ għonqu. Fleur u Lee reġgħu ħassewhom qishom f’film. Din id-darba, però, ma kienx hemm Peter Venkman, Ray Stantz, u Egon Spengler, għax din kienet storja ta’ vera.
L-uffiċjali investigaw, kejlu, ħadu r-ritratti ta’ kull borża, u ta’ xi uħud mill-muniti, u kitbu ħafna noti twal. “Dawn, araw, huma ta’ perjodi differenti,” qal wieħed minnhom. “Xi wħud jistgħu jkunu ta’ valur storiku kbir.”
Lee ma felaħx ma jistaqsihx, “Allura se teħdulhom kollha?”
L-uffiċjal ħares lejh u tbissem. “Nieħduhom biex jiġu studjati u protetti. Imma dan ma jfissirx li min sabhom ma għandu ebda dritt fuqhom.”
Aktar tard, meta l-uffiċjali telqu, u fid-dar reġgħet waqa’ s-skiet, in-Nanna Kitty qagħdet bilqiegħda fuq is-siġġu tal-kċina, b’tazza te quddiemha. Wiċċha kien seren, għax kienet għamlet dak li kellha tagħmel.
Ftit ġimgħat wara, waslet l-ittra. Parti mis-sejba kienet ġiet iddikjarata bħala teżor ta’ importanza nazzjonali u kienet ser tinżamm fil-mużew, b’nota ċara li kienet instabet fid-dar tan-nanna Lina. Oġġetti oħra, li ma kellhomx valur storiku dirett, setgħu jerġgħu lura għand in-Nanna Kitty. Kien hemm ukoll kumpens; mhux xi eluf kbar, imma biżżejjed biex ifakkar li l-onestà għandha wkoll rikonoxximent.
Fleur u Lee għenu lin-Nanna Kitty tqassam ftit mill-ġojjellerija. Brazzuletta lil Katrin, munita antika lil Ċikku… “Hekk, il-ġid jinqasam,” qaltilhom. Fleur u Lee għażlu ċurkett kull wieħed.
U d-dar, li għal tant snin kienet magħluqa, bdiet terġa’ tieħu n-nifs. Tindifa papali, purtieri ġodda… u post ieħor fejn jiltaqgħu flmkien meta jkun il-waqt.

















