Please, meta jkollok ċans…

August 2, 2015
X’aktarx li meta wieħed ikun se jitolbok xi ħaġa, ma jibdiex is-sentenza bil-frażi “jekk joġgħbok” imma jitfa’ l-kelma bl-Ingliż. Din min jifimha? U ma jużax “jekk” imma “meta”.  Naraw ukoll kif min irid jimmanipulak, għandu mnejn juża ħafna kumplimenti fiergħa biex iġibek fejn irid. “Qed ngħid lilek għax int l-esperta”! Dan jiġri iżjed u iżjed jekk int ikollok il-fama li tgħin lil min hu fil-bżonn u tagħmel xi tip ta’ volontarjat.

8. tanjaImbagħad hawn min jistħi, jew ma jafx jgħid le. Dawn mhux dejjem ikunu nies kwieti imma hu żgur li kulħadd japprofitta ruħu minnhom.

Għal uħud il-kelma iva hi vizzju mhux drawwa. Jibżgħu li jekk jgħidu le se jonqsu lil dak li wara kollox ikun qed jużahom. Jemmnu sinċerament li jekk ma jaqdux lil dak li jkun, il-ħajja ta’ ħaddieħor se tkun waħda ta’ dwejjaq. U dan ikun tort tagħhom!

Il-qaddej jinsa lilu nnifsu u għalkemm jaf li xi ħaga jkun se jagħmilha kontra qalbu, xorta jagħmilha.

Dorothy tat il-kelma tagħha li tgħin fis-Summer Club tal-parroċċa imma f’daqqa waħda qalet li ġietha l-opportunità li tuża flat Buġibba u mhux se toqgħod tinżel darbtejn fil-ġimgħa, hux? Tibżax hemm Catherine.

Marika kienet tgħallem il-Franċiż. Mhux lilha jridu jgħidu jekk iridu privat għal Matsec? Dik ma żżommx flus.

Lina tgħix waħedha. X’ikollha x’tagħmel? Żgur li tista’ żżomm it-tfal tal-ġara, nofs siegħa biss wara l-iskola, sakemm tiġi ommhom mix-xogħol.

U kulħadd jassumi li Catherine, Marika u Lina mhux se jgħidu le. U tabilħaqq hekk ikun.

Int kuntenta li sibt ruħek fil-pożizzjoni ta’ Catherine, Marika u Lina? Tħossok importanti jew l-għajnuna li tagħti timlielek il-ġurnata? M’hawnx għalik. Iżda jekk tħoss li wasal iż-żmien li ma tkunx daqshekk disponibbli, xieraq tibda tgħid le. Imqar kultant.

Se jkun hemm min jieħu għalih. Se jkun hemm min igerger. Se jkun hemm min jirrabja. Bħallikieku għandhom xi dritt li jinqdew bik! Dan ifisser li jippruvaw jipperswaduk biex kollox jibqa’ kif ikun. Forsi għax għażżenin u forsi wkoll għax iridu jiffrankaw il-flus.

Kemm ħassart appuntamenti importanti dan ix-xahar?

Mhux qed ngħid tad-dwiefer jew tax-xagħar għalkemm hawn min għalih dawn huma importanti wkoll. Kellek xi appuntament l-isptar u ma mortx għax kont qed taqdi lil xi ħadd? Kont sejra xi pellegrinaġġ u, minħabba dak li tqisu dover tiegħek, ma mortx? Possibbli m’hemm ħadd ħliefek li jista’ jkun il-qaddej?

Billi għedt iva darba ma jfissirx li ffirmajt xi kuntratt. U jekk biss għedt li se tgħin, għandek dritt li titkellem meta ma tkunx tista’ jew ma jkunx konvinjenti għalik.

Ħafna żegħil u Ingliżati m’għandhomx jimpressjonawk. Tinsiex li m’għandekx għalfejn tagħti raġunijiet għax ma tistax tgħin.

 

Leave a comment