Nuċċalijiet

Minn dejjem kont inbati biex nara. U ironikament, meta nagħlaq għajenejja, kont nara aħjar milli meta kienu jkunu miftuħin. Meta kont ngħid dan lill-ommi, kienet tgħidli “…u tgħidx ereżijiet, min jisimgħek…” U jkolli nibqa’ ngħammex għajnejja, biex qisni niffoka.

Forsi kienet tgħidli hekk, ommi, għax kienet romlot żgħira, u kienet taħdem ta’ seftura biex tvinċi, u ma kellhiex flus x’taħli fuq viżti kontra viżti għand l-ispeċjalisti. Oħti u jien konna għadna żgħar, u hi ma riedetx terġa tiżżewweġ, kemm għax post missierna ma kien jieħdu qatt, u kif ukoll għax kienet issostni li ebda’ raġel ma kien ikun irid irabbi t-tfal ta’ raġel ieħor. Kienet tibża’ li jkun irid isakkarna f’xi istitut jew abatija, għax hekk kienu jgħidulhom dak iż-żmien, mhux djar, bħall-lum…

Meta twelidt, lil ommi qalulha li “għandi xi ħaġa” – imma ma qalulhiex din il-ħaġa x’kienet. U għalhekk, kull meta nsemmi xi ħaga dwar għajnejja, kien jaqbada paniku, u tipprova ssikkitni jew tbiddel id-diskors. Ma ntihiex tort, illum il-ġurnata, imma dak iż-żmien kont ngħid li qed tkun kattiva miegħi.

Dak iż-żmien, tarbija bħali, li ma tkunx perfetta, kienu jwarrbuha, u jinsewha, u l-omm kienet tgħid “darba kelli tifla…” bħallikeiku din it-tifla ma kienetx għadha teżisti.

Imma ommi ma kienetx hekk. Meta qalulha biex lili tinsini, qisni qatt ma kont, għax kienet għadha żghra u kien jilħaq ikollha tfal iżjed, sarret ħwejjiġha, u ffirmat biex titlaq ’l barra mill-isptar. Kienet tieħu għaliha kull meta xi ħadd jgħidilha “jaħassra” u “miskina” u “povra tifla”.

U jien, li ovvjament dak iż-żmien ma niftakrux sew, niftakar biss li sakemm tgħallimt dak li naf illum, dejjem kien ikolli geġwiġija ta’ ilħna u ħsejjes f’moħħi, u purċissjoni twila ta’ nies u annimali għaddejjin il-ħin kollu minn quddiem għajnejja.

Din ix-xena tal-isptar rajtha kemm-il darba, imċajpra, imma domt ma ndunajt li t-tarbija mfisqija f’kutra ħafifa, kont jien.

Għall-ewwel kont naħseb li “kulħadd bħali”. Iżda mbagħad, meta bdejt ninduna li ħaddieħor ma kienx iġib ruħu bħali, bdejt bil-mod il-mod nintebaħ li meta jkun hemm xi ħadd bħali, x’imkien, konna ngħarfu lil xulxin, qisna b’istint, u li ħaddieħor ma kienx bħalna.

Oħti ta’ warajja kienet tgħajjarni werċa; u oħti ta’ qqabli kienet tgħidli l-impeċpċa. Ommna kienet tarma tgħajjat magħhom. Imma jien kont naf li b’nofs qalb kienet tagħmel hekk… biex nismagħha jien u qisni nkun naf li qed taqbeż għalija. Għax għajnejja vera li kont nitlifhom, l-iżjed meta kont inkun qed nara xi ħaġa f’moħħi; ma nafx kif ser naqbad nispjega… qisu film, imma mhux fuq il-liżar taċ-ċinema.

Bdejt nikber… u ommi indunat li qatt ma kont inħares dritt f’għajnejn dak li jkun. Ommi waħda minn dawk li kienet – u għadha – taqra ħafna. Malajr fattritha li għandi l-awtiżmu.

Ħaditni għand il-pedjatra. Dan qalilha biex toħodni għand tabib tal-għajnejn għax ma kontx t’idejh. Żguraha li ma kellix l-awtiżmu, u qalilha li dak li kelli x’aktarx li kien jgħaddili meta nikber.

Dan qal li kull ma kelli kien astigmatiżmu – fejn l-għajn (fil-każ tiegħi, iż-żewġ għajnejn) ikunu żengulin, u mhux tondi, u dak li jkun ibati biex jiffoka. Kien għalhekk, skont hu, li kont niċċassa, għax moħħi kien ikun qed jipprova jiproċessa t-taħwid imgerfex li kienu jkunu qed jaraw għajnejja. Spiċċajt b’nuċċali bil-ħġieġ qiegħ ta’ flixkun, li kien iqabbaddni sturdament kull meta nilbsu. Tant kont nagħmel xenati, li aċċettat li ma nilbsux iżjed.

Qalilha biex kultant tgħattili għajnejja waħda, u kultant, l-oħra. U ħuti bdew jgħajjatli furbana flok werċa jew impeċpċa. Ħaġa tal-għaġeb, iżjed kont nieħu għalija minn qabel…

Sakemm darba ntbaħt li kull meta ngħidilhom “ieqaf” u nżid il-kelma “int”, u nipponta l-werrej lejn waħda minnhom, jiġrilha xi ħaġa – jew tinfaġar, jew taqa’, jew tixraq, jew tirremetti…

Qatt ma semmejnieha bejnietna din il-biċċa, imma ikolli ngħid li huma kienu indunaw ukoll, għax qatgħuha kemmxejn din li jgħajjruni. Imma lili ma qaluli xejn, biex ma jpaxxunix. Naħseb li xi ftit, kienu jibżgħu minni.

Illum li kbirt, niftakar f’dawn il-ġrajjiet b’nostalġija kbira. Nitbissem meta nara kemm kont innoċenti, u forsi xi ftit baħnana, wkoll.

Qatt m’għaddieli minn moħħi li jien kont speċjali b’mod tajjeb, imma kont kburija li kont differenti minn ħuti. Dejjem bqajt lura milli nuri x’naf. Naħseb li kont qisni nistħi nispjega kif jien ma kontx inkun naf bl-eżatt x’kien ikun qed jiġri madwari, imma kont inħoss xi ħaġa, jew nara xi ħaġa, li ma kienetx tkun tidher jew tinstema’ minn ħaddieħor, u wara kien jidher biċ-ċar li kelli raġun ngħid li nkun għedt.

Ma nafx nispjega eżatt kif kont inħossni. Imma li kont nistħi, dak żgur. Imma meta taqbiżli xi kelma u jwaqqgħuni għaċ-ċajt, ma kontx nieħu gost.

U dak in-nuċċali ikraħ pesti… erġajna bdejna bil-korijiet ta’ jaħassra, u miskina, u povra tifla, għadha tant żgħira u għandha bżonn nuċċali…. Jien, ngħid is-sew, kien idejjaqni fuq imnieħri… u minħabba l-isturdamenti, ta’ sikwit kont inneħħih u naħbih biex ommi ma ssibux.  Imma dejjem issibu kienet, nagħmlu fejn nagħmlu… ma nafx kif. Kienet tgħidli li ser inkompli npeċpeċ għajnejja. U jien nagħmel xenata. U ħuti dak ikun jonqoshom biex jibdew jinkuni… mpeċpċa mpeċpċa mpeċpċa, minn taħt l-ilsien. U meta ninduna xi jkunu qed igedwdu, u nippnta subgħajja lejn waħda minnhom, jekk ma jieqfux mill-ewwel… jiġrilha xi ħaġa. 

Ħaditni għand tabib ieħor, ommi. Bilkemm kien għadu ħares lejja li ma bediex iħokk rasu. Iqalleb fil-kotba. Ifittex fil-kxaxen. U fl-aħħar, saħansitra ċempel lil kollega tiegħu.

“Ma nafx ta, Sinjura. Bintek… kif ser naqbad ngħidlek. Insomma, qatt ma rajt bħalha. Imma il-għala domt daqshekk ma ġibtha għandi?”

Messli l-kpiepel t’għajnejja b’virga irqieqa kulur id-deheb, u ma nafx x’ħassejt – qisha sajjetta tixgħel f’moħħi, u ragħad u beraq idamdmu f’widnejja.

U minn dak il-ħin, beda’ l-uġieh ta’ ras. Uġiegħ qawwi ferm. Ħassejtni mdardra, qisni ħa naqla’ l-istonku. “Emigranja, naħseb…!” Qalilha.

Ommi bdiet tgerrem difrejha u ma qalet xejn. Paċpċet ftit mat-tabib, u tlaqna ’l barra.

Ħaditni nieħu pizza, biex forsi nderri. Imma fl-aħħar ma stajtx nassaporti iżjed, u tlabtha terġa toħodni għand it-tabib tal-familja, biex ngħidulu x’kien ġara, għax lil dak kont nafdah.

Eżami ieħor. Testijiet oħrajn. Riċetta għal qtar differenti.  Imma l-uġieħ baqa’, u l-kliem imgerfex bil-leħen t’ommi u tat-tabib iredden f’widnejja.

Optic Neuritis… Glaucoma… Macular Pucker… Coloboma… Retinoblastoma… Retinitis Pigmentosa…  Kont naħlef li t-tabib kien qed jipprova jiftakar dak li kien hemm miktub fil-kotba li kellu fuq l-ixkafef fil-Klinka tiegħu. Iżda jien m’għedt xejn, għax anqas biss kont naf ngħidhom dawn il-kliem tqal. Kont niss qed narahom miktubin, ċari daqs il-kristall, f’moħħi, qishom bil-ġibs fuq il-lavanja.

Ħarist lejn it-tabib, u teptipt għajnejja darba, darbtejn.

Fl-istampa ta’moħħi, ma kienx baqa’ fil-Klinika. Kien liebes ġins u kien qiegħed isaqqi fi ġnien. Bla ebda’ ħsieb, għedtlu – Ara dawk, qishom li tnaddaf il-fliexken tal-ħalib.  U dawk, hemm, qishom ras ta’ għasfur, x’jismu… pagun…

Inħasad.  Staqsieni “Int għall-Bottlebrush u l-Bird of Paradise qed tgħid?”

“Ma nafx x’jisimhom, għalhekk għedtlek x’qishom, hux?”

It-tabib deher li nstaram sew, u ma kienx jaf x’ser jaqbad jgħid. Fl-aħħar qalli, “Imma kif taf li għandi dawk il-fjuri fil-ġnien tiegħi?”

Jien ma stajtx nifhem kif kont inkun naf dawn l-affarijiet, jew kif kont inkun naf x’kienu qed jaħsbu n-nies. Kultant, kont ninduna li nwieġeb lil xi ħadd qabel ma jkun staqsieni l-mistoqsija, u narahom jinġibdu lura.

Dak il-ħin, erġajt ħassejt uġiegħ qawwi fin-nofs ta’ moħħi, bħallikieku xi ħadd kien ddaħħali puntell minn quddiem u ieħor minn wara, fl-istess ħin. Kienet sensazzjoni tal-biża, ħa ngħidlek. Werżaqt. Ommi qaltlu “Din taf kemm hi għaġġieba hux, dott…” Qalilha biex kull meta jtini hekk, ittini nofs asperina minn dawk l-oranġjo (kien għadu ma ħariġx l-istudju li l-asperina tagħmillhom ħażin lit-tfal), u tħallini norqod. U tlaqna lejn id-dar bla sodisfazzjon ta’ xejn.

B’xi mod, għalkemm kont għadni ċkejkna, kont nifhem li din ma kienetx xi ħaġa li għandi nsemmi man-nies. Imma jien ħsibt li għand it-tabib, li ommi kienet tgħidli li lilu u lill-qassis u lill-pulizija irrid navdahom, ma jumpurtax.

Naf, iva naf, li kieku kelli nitkellem dwarha, kienu jgħodduni b’miġnuna, jew iwaqqgħuni għaċ-ċajt, għax fid-dinja hekk isir meta jkun hemm xi ħaġa li jew ma nifhmuhiex jew nibżgħu minnha…iżjed u iżjed kif kont jien, tifla żgħira li kont nidher li m’għandi xejn, hlief, kif jgħidu, “għajnejja ‘hekk’”.

Ajma ħej, billi fejn noqgħod jien mhux diġa kellhom moħħom magħluq. Niftakar meta kien hemm tfajla riedet issir perit. Ma ngħidilkomx x’ma qalux – għax dak iż-żmien din il-karriera kienet meqjusa waħda tal-irġiel biss, u din kienet żatat u kiesħa u a tistax tara qalziet…

Darba konna qegħdin f’ħanut Tal-Lira. Kont qed nagħżel karti u żigarelli u affarijiet oħrajn biex nagħmel il-krafts, xi ħaġa li jien kont ngħoxa fuqha. Kien hemm tifla żgħira, dieħla u ħierġa, tidħaq tidħaq. Kulħadd kien qiegħed jiġġustaha – imma lili, għajni għokritni minnha. Ħassejt li kien hemm xi ħaġa mhux sew, imma ma stajtx nifhem eżatt x’kienet.

Wara ftit, f’moħħi rajt mara, b’basket miftuħ. Rajt lil din it-tifla tiġri lejha, titfa’ xi ħaġa fil-basket, u terġa tiġri lejn il-ħanut. “Oj!” għedt lit-tfajla li kienet wara l-bank. “Dik kull meta tidħol hawn qed tisraq xi ħaġa, tafx?” “U ajma, tgħidx ħmerijiet!” qabżet waħda mara minn dawk li jkunu jafu kollox. “Għadha ħalib ommha fi snienha…”

“Isma’, ħi!” qalet it-tfajla lit-tifla, forsi għax b’xi mod ħasset li jien mhux ser naqla’ minn żniedi fuqq xi ħaġ’hekk. Din, inħasdet. Daret biex toħrog tiġri mill-ħanut, u minn taħt il-flokk tagħħa waqgħu pakkett dwiefer foloz, u pakett stikkers.  U sakemm konna hemm aħna, ma reġgħetx daħlet fil-ħanut darb’oħra.

Dik il-mara bdiet trodd is-slaleb. Jien indunajt li hi ħadtha bi kbira li bi kliemi kont waqqajtha għaċ-ċajt. Daret fuqi bħal tigra. Staqsietni “Kif kont taf x’hini tagħmel? Jaqaw ġieli għamilt hekk int ukoll, jewwilla?”

Ommi siblet meta semgħet lil din il-mara b’wiċċ sfiq takkużani, hekk, bl-addoċċ. “Sinjura, jekk ma tridx li nħarrkek għall-malafama, aħjar tagħlaq dak il-ħalq ta’ ċerna li għandek, qed navżak.”

“Jaqaw irqadt mikxufa dal-lejl, ħi?” qabżet din bl-arja kollha, probabblilment biex tgħatti l-fatt li kienet inkisret.

Biex tgħaxxaqha, jien ġebbidt il-komma t’ommi u bla ma naf kif għedtilha “Ħalliha, ma, dik hi stess qed tisraq, għalhekk qalet hekk.”

Il-mara refgħet dirgħajha bħallikieku biex ittni xi daqqa. Bl-iskoss waqgħalha l-basket… u minnu waqa’ flixkun xampu, li xpakka u mela’ kullimkien.

Inħallikom taħbsu x’ġara wara. Rebus sħih. Il-mara telqet tiġri ‘l barra…u ommi għenet lis-salesgirl tnaddaf. Min jaf kif spjegat dan l-inċident lis-sid tal-ħanut, it-tfajla.

Għadni niftakar ukoll lil Miss Sally, waħda mill-għalliema tal-Kindergarten, li anqas biss kienet tgħallem il-klassi fejn kont jien.

Darba konna qegħdin is-supermarket, u ġiet tiġri lejn ommi. “Sinjura, kemm ili biex inkellmek!” qaltilha. F’kemm trodd salib, introduċiet ruħha u qalet lil ommi li ma kellhiex għalfejn tieħu għaliha b’dak li kienet ser tgħidilha. Issuġġeritilha biex toħodni għand psikologu tat-tfal, u ommi baqgħet iċċassata u mtemtma, u staqsietha għaliex kellha tagħmel dan.

Saħqet li milli kienet tara meta nkun fil-bitħa (għax ma kontx inħobb nilgħab, imma kont dejjem inkun imnieħri mdeffes fi ktieb, u kultant nitkellem waħdi), żgur li jien kelli ‘karatteristiċi ta’ awtiżmu’, imma l-għalliema l-oħra kienu qalulha biex ma tindaħalx, u issa li ratna fis-supermarket, ħatfet l-okkażżjoni…  Saħansitra kellha l-wiċċ tagħmel diagniosi: Din tifla li żgur għandha high-functioning Asperger’s.

Din Miss Sally kienet waħda minn dawk in-nies li jaqraw ktieb jew jattendu seminar dwar xi suġġett partikolari, u Alla jbierek, mill-ewwel jassumi li huma esperti fih.

Kemm jgħamlu ħsara lit-tfal, iżjed u iżjed jekk jużaw kliem tqil u l-ġenituri jkunu jimpressjonaw ruħhom bix-xejn. Mhux kulhadd jaf li hawn xi professjonisti li jekk m’għandomx il-ħila jfejqu lit-tfal bis-sewwa, malajr bid-dnewwa jagħtu mediċini biex jgħattu dan? U li dawn il-mediċini jerdgħu il-ħajja tat-tfal?

Imma jien mhux fuq hekk kont qed nitkellem, hux?

Morna għand pedjatra speċjalista ieħor – wieħed li kien jitkellem fi programm tar-radju, u skond ommi, kien “bis-sens”.

“It-tifla tiegħek twieldet qabel żmienha?”

“Le, anzi damet xi ġimġha żejda, x’għażż!”

Fil-moħħ tat-tabib rajt għaddejjin il-kliem retinopathy of prematurity, li dak iż-mien ma kontx naf x’ifissru.

“Ġieli ħawdet il-kuluri t-tifla?”

“X’jiġifieri?”

“Titfixkel l-aħdar u l-aħmar, jew l-isfar mal-blu, ir-roża mal-kannella, u hekk…”

“Ma jidhrlix, ta. Għaliex qed tistaqsini?”

“Għax kieku kienet colour-blind, forsi, forsi… konna nkunu sibna spjegazzjoni għal xi ftit mill-imġieba tagħha… u kif qisha tħares fil-vojt…”

“Stenna’ naqra. Meta tkun qed tpinġi, għandha ħabta titkellem waħedha. Tibda’ tgedwed… ‘Naf li l-banana safra, imma nixtieq li nagħmilha vjola għax hekk qaltli li trid tkun.’ Jew: ‘Naf li l-sema kaħla, u l-isħab huma bojod. Iżda bix-xita jikber il-ħaxix aħdar, u ħa nuża aħdar ċar għas-sema u aħdar skur għas-sħab…’ Iva, kos, ikolli ngħid li binti tħares lejn il-kuluri b’mod differenti milli kif nagħmlu aħna… iżda żgur li m’hiex colour-blind.”

It-tabib iżda qisu ma emminhiex, u newwilli dawk id-diski tal-Ishihara Test, u diski b’disinji oħrajn.

U ajma. Kif qatt stajt ma nġibx it-tweġibiet kollha tajba? Il-kuluri ilhom jaffaxinawni minn meta kont tarbija – u nħoss li saħansitra qabel ma twelidt kont inħobbhom.

It-tabib, biex ma jurix li kien ħareġ ta’ mażetta, staqsini jekk kontx naf x’kienu l-istampi 3D, u hawn anki ommi tbissmet. Hi kienet tixtri dik ir-rivista li l-aħħar paġna tagħa dejjem tkun logħba minn dawk. Lili anqas kienet tilħaq turhieli li ma kontx ngħidilha x’kienet tkun – u hi, erħilha ddawwar il-paġna ’l fuq u ’l isfel, ’l hawn u ’l hinn, u titwerreċ, biex forst taqbad art ta’ xi tkun l-istampa.

Tani ktieb miżgħud b’dawn il-logħob, u jien inqalleb fih u ngħidlu – żiemel-arloġġ-siġra-flixkun-bukkett fjuri-karozza-wiċċ-palazz-ballun…

“Emminni, ma nafx x’naqbad ngħidlek…” ħares lejn ommi filwaqt li ħatafli l-ktieb minn idi. Ara, ejja nibdew billi tibda’ tilbes nuċċali…”

“Dott, dik għandha wieħed diġa. Għamilulha t-tabib tal-għajnejn, imma ma tridx tilbsu. Kemm għax qisu qiegħ ta flixkun, u kif ukoll għax tgħid li jistordiha, u li tara aħjar mingħajru – u naħseb li vera, għax meta tilbsu, taħbat m’hawn u tidħol f’hemm…”

U jien?  Jitkellmu fuqi u qisni m’inix hemm. U f’moħħi nismagħħom igedwdu u jppruvaw jifhmu x’kelli “ħażin” jien. Kemm konna sejrin indumu b’dawn il-ħmerijiet? Mhux aħjar iħalluni bi kwieti, jew?

“Imma, ara, dan nuċċali differenti. Dan ikanġi qisu roża, qisu vjola, qisu lelá, u għandu jgħinha biex, emm, emm…” u weħel.

Imma jien kont naf x’qed jaħseb; dehrlu li jekk jagħtini ‘xi ħaġa’, tkun xi tkun, ikun qeda’ dmiru u ommi ma tmurx tgħid man-nies la ma kienx kapaċi jsib soluzzjoni għall-problema tiegħi. Jien kont naf. Jien qrajtlu moħħu.

Kien x’kien, jien issa kelli n-nuċċali l-ikkulurit.

Kulħadd iħares leja, kien, meta nilbsu. Imma kemm hawn min hu kurjuż u tost! Uħud kienu jistaqsuni jekk “għandix xi ħaġa ħażina” f’għajnejja, jew jekk “narax sew”.

Kien hemm saħansitra min staqsieni hux qed nieħu sehem f’xi studju jew f’xi sondaġġ, jew hux qed nimmudella n-nuċċali għal xi ditta li tħallasni skond kemm inbiegħ minnhom.

M’għandniex xi ngħidu, kien hemm min bl-attitudni tiegħu wera li jien kont “wannabe hippy”, jew “dardira” u li “ridt inkun differenti” u li għalhekk kont qed nilbes nuccali dak il-kulur. Imma kemm hawn min iħobb jindaħal, hux? Jien kont naf li kieku naghti kas il-kummenti, kont ninfena’.

Sħabi ma baqgħux idejquni meta ndunaw li mhux ħa noqmos meta joqorsuni. Ħbiebi, il-ftit li kelli, aċċettawni bla ma staqsewni mistoqsijiet banali.

Mela, darba nsterqu xi flus mill-Uffiċċju tal-Kap tal-Iskola.

Il-ħuta minn rasha tinten, kif ngħidu. Xi ħadd kien tefa’ s-CCTV kamera, għax kien jaf fejn kien moħbi s-swiċċ, u kien jaf l-angoli kollha li tieħu fil-kamra, u dawk fejn ma tasalx. Bilfors li kien xi ħadd li kien jaħdem l-iskola stess. Ġew mill-inqas għoxrin pulizija jduru, kollha jistaqsuna jekk l-għalliema tagħna kienux ħarġu mill-klassi f’xi ħin filgħodu… u mhux ovvja li kollha jkunu marru jieħdu l-kafé, ajma?

Meta konnna nieżlin fil-bitħa għall-brejk, ħarist fl-Uffiċċju u tani bħal mejt, u kelli nżomm mal-ħabiba tiegħi għax kienu kont naqa’. Taf kif ħsadtha? Rajt qisu biċċa film fejn wieħd mill-għalliema resaq lejn l-iskrivanija tal-Kap tal-Iskola, fetaħ il-kexxun, u hareġ invilops oħxon. Qiegħdu fil-but ta’ ġewwa tal-ġlekk, u resaq lejn il-bieb. Kollox ġara f’tebqa t’għajn. U jien gejt f’tiegħi. Teptipt għajnejja darba, darbtejn.

Ma stajtx ma nifhimx li dak li kont rajt kien “dell” ta’ x’kien ġara.  Imma kif ħa nikxef bla ma nidher li jien kelli dak id-don speċjali?  Tgħid ma kienux ser jemmnu lili, jekk naqbad u noħroġ bl-akkuża li l-għalliem kien ħalliel?

Kien hemm bżonn li noħroġ bi pjan fin biex jinqabad qabel ma tispiċċa l-gurnata tal-iskola, għax jekk jilhaq joħroġ il-flus minn hemm, Alla m’għamilhom.

Ma kienx ser jissogra jħallihom fil-klassi sakemm jgħaddi l-furur, għax jekk isir tiftix mill-pulizija, jinstabu żgur… u anki jekk dawk li jnaddfu jagħmlu xogħolhom sew u mhux ta’ kafkaf, kien jinqabad ukol…

Kemm kienet ħaġa tqila għalija li ma nikxifx dak li nkun rajt f’moħħi, meta kont għadni żgħira. Din kienet xi ħaġa li ġietni maż-żmien.

Kif għedt, jien rari kont nilgħab fil-brejk; għal xejn l-għalliema kienu jgħiduli biex immur niġri ġirja. U issa ġietni x-xoqqa f’moxtha… indunajt li stajt nuża dan il-fatt biex nikxef lill-ħalliel.

Kif nagħmel is-soltu, tlajt fuq iċ-ċint il-baxx.  Dak inhar kien hemm tifla li kienet kisret sieqha, ħdejja. Imma din rivista minn dawk mimlija b’li għamel dan u x’għamlet dik, kellha, mhux ktieb – u qajla kienet qed tħares lejha.

“Imma kif int dejjem taqra dawk il-kotba ħoxnin, għid?” staqsietni. “U xi tħobb taqra l-iżjed?” Jien naf li għandi leħni jġib sew, u rajt kif għamilt biex inwasslu sa ħdejn il-ġgajta tal-għalliema,li flok iduru mal-bitħa jagħmlu s-supervision kif suppost, kienu joqgħodu qaqoċċa jseksku.

“L-iżjed li nħobb, il-fantaxjenza. Imma nħobb ukoll stejjer dad-ditektivs. Per eżempju…” u hawn urejt b’subgħajja lill-għalliem li kien seraq, “…kieku kien hawn Colombo kien jgħid li dak hu l-ħalliel tal-flus ta’ dalgħodu, ara, għax hu biss qiegħed bil-ġakketta, u l-ohrajn b’nofs komma, u jidher li mhux komdu għax qed jiċċaqlaq il-ħin kollu…ara, subgħajh il-ħin kollu jċaqalqu taħt l-għonq tal-qmis…u qisu qed ixoqq l-għaraq għalih.”

Indundajt li kien hemm min, mill-għalliema, li kien sema’ xi kelma jew tnejn, iżda ma tawx każi. Dak il-ħin stess l-għalliem ta daqqa ħafifa ħafifa fuq fejn kien jiġi l-but ta’ ġewwa, bħal biex jaċċerta ruħu li l-invilops kien għadu hemm. Biex inġibha żewġ ridt nivvinta xi ħaġa iżjed profonda.

Fil-waqt u l-ħin, ftakart x’kont nagħmel meta ħuti kienu jittikawni, u kif kienu dejjem iweġġgħu, jew saħansitra ikorru wara li kienu jinkuni u jien nipponta subgħajja lejhom. Imma ma ridtx inkun daqshekk skjetta, għax min jaf x’pandemonju kien iqum.

Jien kont ġa ħassejt li sakemm l-għalliema niżlu għall-brejk, il-pulizija kienu marru jfittxulhom fil-basktijiet u l-bagalji tagħhom… u huma hemm, ipaċpċu, friski bħal ħassa, anqas għaddielhom minn moħħom li seta’ jiġri dan.

Għalaqt għanjejja u bdejt nimmaġina l-wiċċ tal-Kap tal-Iskola. Meta ffokajt sew, bdejt nirrepeti l-isem tal-għalliem u l-kelma “ħalliel”, waħda wara l-oħra. Gibt quddiem għajnejja lis-Surġent li kien ġie fil-klassi jistaqsina jekk l-għalliema tagħna kienetx ħarġet mill-klassi filgħodu… u għamilt l-istess ħaġa.

Għaddew ħames minuti, u ma ġara xejn. U kont naf li x’aktarx li jekk iddoqq il-qanpiena, ikun ħelisha ħafif.

Mela, f’daqqa wahda, fl-ewwel tarġa mill-erbgħa li kienu jagħtu għall-bitħa, xirfu l-Kap tal-Iskola u s-Surġent, b’wiċċhom serju. Kulħadd inħasad. Minn taħt il-għajn, rajt lill-għalliem qisu ħa jħossu ħażin. Neża il-ġakketta u twiha pulita pulita fuq driegħu, u tbisem tbissima qarsa.

Possibli li kont tfajtha għal rasha u ġiet għal sieqha?

Il-Kap tal-Iskola sejħitlu b’ismu. “Tista’ tiġi ftit fl-Uffiċċju?” Hu dar lejn l-għalliema li kien hemm ħdejh, u newlilha l-ġakketta biex iżżommhielu. “Le, le, ma jimpurtax. Gibha miegħek,” qabeż is-Surgent, filwaqt li pponta lejn il-ġakketta. 

Bjad. Ħmar. Sfar. Naħseb li dak il-ħin, li kieku qatgħulu rasu, ma kienetx tohroġ qatra demm. Kaxkar saqajh, li bilkemm felħuh, u tela’ t-tarġiet. Mar magħhom. U ftit wara smajna s-sirena ddoqq.

Ġera’ l-għajdut li “kumbinazzjoni” sabu xi ħjiel tas-serqa – kien hemm min qal li kien il-kowd biex jintefa’ s-CCTV fuq xi karta li sabulu fuq l-iskrivanija. Iżda jien kont naf li dan ma kienx minnu… imma ma tkellimtx. Basta nqabad.

Għax jien kelli sehem minn kif kienu nġabru dawk il-flus, u ma ridtx li biċċa ċuċ joħodhom għalih.

Konna ilna xaharejn sħaħ nagħmlu l-brazzuletti u l-ġiżirani biex inbiegħuhom, ħalli jkollna biżżejjed biex nisponsorjaw tfal fi skola fil-Kenya… imbagħad jiġi banavolja bħal dan u jisraqhomlna. U mela le. Tgħid ma kontx ħa nħallih jiżgiċċa, la stajt nagħmel xi ħaga?

Din l-istorja kulhadd għadu jsemmiha, bla ma jafu d-dettalji. Naħseb li hi l-iżjed waħda eċitanti li qatt ġratli. U issa li ħriġtha fil-pubbliku, kulħadd jista’ jagħmel fill-in-the-blanks.

Kull meta kont inkun fuq tal-linja kont nilbes il-headphones.  Mhux biex nisma’ r-radju jew id-diski, imma l-iżjed biex ma nismax l-ilħna tan-nies f’moħħi, għax il-mużika kienet tmewwithom xi ftit.

Min jgħid fuq il-ġara, min fuq il-kunjata, min fuq l-għalliema tat-tfal. U l-ħelwa hi li kull min ikun qed jitkellem kien jara kif iġibha biex jidher li jkollu raġun hu. Rari kien ikun hemm xi ħadd li jgħid “Imma forsi jien m’għamiltx sew”, jew “żball tiegħi naħseb…”.

Kbirt. Kelli xi tminatx-il sena, u nzertat kienet waslet l-elezzjoni. Iż-żewġ partiti l-kbar bdew iwiegħdu l-ilma jiżfen; kellu jonqos il-qagħad, jiżdiedu l-pagi, u Malta ssir Ġenna tal-Art mill-Lum Għal Għada; u qed nuża ittri kbar għax minn kif kieku jitkellmu, hekk kienet tinħass is-sentenza.

Jien naf li l-politiċi kollha jagħmluha tal-ħelwin; iżjed u iżjed meta jkunu qed jitbaqbqu waqt xi meeting, jew fuq it-televixin. Imm jien kont ninduna meta jkunu qed jigdbu fuq affarijiet oħra, ukoll.

Naf li min jistudja l-body language jagħraf xi mossi u mutetti, bħal meta wieħed iqaħqaħ fil-vojt jew imiss imnieħru… imma jien kont inkun naf meta ikunu qed iżommu kalmi bi sforz kbir.

Kemm kont niskanta meta l-għada, nies intelliġenti kienu jkunu jidhru li belgħu, bħal mazzun, dak kollu li jkunu qalu dawn il-flien. Mur sabbarhom li dak li kien qed jitmasħan kontra l-korruzzjoni għandu għaddejjin sitt biċċiet xogħol sewwa sew mal-iżjed imħuh kriminali tal-pajjiż; u li dak li kien qed iredden fuq il-ħtieġa tal-fedeltà fiż-żwieġ kien qed iħawwad kemm jiflaħ; u li dak li kien jisħaq kemm hu importanti li bniedem jemmen f’Alla, kien jislef ir-razzett tiegħu biex isiru atti oxxeni mill-eħrex.

Insomma – tul is-snin, barra milli sirt esperta tan-nuċċalijiet, sirt ukoll esperta fuq in-natural tal-bniedem.

Bħal ma n-nuċċalijiet huma aċċessorju li jtejbu kif wieħed jidher, hekk ukoll kapaċi jaħbu l-għajnejn, li huma t-twieqi tal-qalb… In-nuċċalijiet jipproteġu lill-għajnejn. U l-bniedem juża meżżi ohra biex jipproteġi lilu nnifsu. Kultant, bħal ma’ monocle kien jgħatti biss għajn waħda, il-protezzjoni emozzjonali li jfassal dak li jkun, ma tkunx kompluta.

Jekk irrid, nista’ nibqa nġib eżempji fuq eżempji ta’ kif in-nuċċalijiet jixbħu lill-ħajja. Ngħidu aħna, kulħadd jaf x’hinu nuċċali – u hawn ħafna min għandu għal wieħed, tnejn, u anki sitta.

Imma mhux kulħadd jaf x’jixraqlu, u mhux kulħadd jaf kemm hu importanti li ma tħallix il-lentijiet jinbarxu… u mhux kulħadd jirrejaliżża li aħjar ikollok wieħed sew milli ħamsa tal-ħabba gozz, għax dawn flok jgħinuna, jistgħu anke jagħmlulna l-ħsara…  Il-vista tagħna m’hawnx prezzha. Qed tifhmu x’jien ngħid?  Anzi, qed tifhmu dak li mhux qed ngħid?

Nuċċalijiet hawn ħafna – tondi, kwadri, qishom fjura, u dawk bla frejm li ħarġu dan l-aħħar. Hawn saħansitra dawk ta’ bla lenti tar-riċetta, li għandhom ħġieġa biss, li jintlibsu biex dak li jkun jidher sofistikat. Hemm dawk bi-focal, li bihom tara l-bogħod u l-viċin, skond il-ħtieġa, u hemm dawk li jiskuraw u jiċċaraw skond tkunx barra, jew ġewwa, jew jekk inkunx hemm dawl qawwi fil-kamra, jew le. Dawn in-nuċċalijiet kollha jirriflettu l-atitudnijiet tal-bniedem lejn il-ħajja – kif iżjed u iżjed jagħmlu dawk in-nuċċalijiet li minn-naħa ta’ barra jidhru qishom mera, u dak li jkun ma jindunax ’l fejn qed tħares, meta tilbishom… Filosofija sħiħa, din l-affari tan-nuċċalijiet.

Imbagħad hemm il-lentijiet polarizzati. Dawn jgħinu biex l-għajn ma titgħamixx meta jkun hemm xi dija li tirrifletti ħafna… u jaħassra kemm għandna bżonnhom dawn, fil-ħajja tagħna, biex ma nħallux lil min jimpressjonana bit-tlellix fieragħ.

Insomma, jien tul is-snin sirt esperta f’ħafna affarijiet…u kien propju għalhekk li ddecidenjt li nikteb din l-istorja. Stajt ktibt l-istejjer tan-nies li kont nara fil-kjuijiet tal-bank jew fil-ħanut tal-merċa… imma ħsibt bejni u bejn ruħi li aħjar nikteb l-istorja tiegħi stess, biex forsi warajja nħalli tagħlima.

Issa kulħadd ikun jaf x’ġara sew, u forsi, forsi, ma jinħolqux dawk il-ħafna qlajja’ vojta, kif isir is-soltu. Inħares lura u nara okkażżjonijiet fejn stajt qlajt il-belli liri kieku kont nagħmel l-imħatri fuq ir-riżultati tal-logħob tal-futbol… jew tal-elezzjonijiet.

Imma lili, il-flus qatt m’għamewni (ħa ħa: dik kienet ċajta!).

Stajt għażilt karriera oħra barra dik ta’ psikologa tat-tfal. Mur ġibni avukat – kif kont insallabhom lix-xhieda, kieku, u nġielhom jikkompromettu ruħhom. Jew tabiba. Kemm inħoss il-polz ta’ xi ħadd, jew nisma’ t-taħbit tal-qalb, u fil-veru sens tal-kelma, noħrog b’dijagnożi preċiża, u perfetta, li l-anqas l-aqwa professor u konsulent ma kienu jkunu kapaċi jagħmluha.

Imma jien ippreferejt noqgħod naħdem fil-kwiet, fil-klinika tiegħi, biex ngħin lit-tfal meqjusin “difetużi” minn socjeta li ma tifhimx. Anzi, li ma tifhimhomx. Anzi, li ma tifhimniex.

Għax dawn it-tfal, kultant, mhux mard mentali jew psikoloġiku kien ikollhom – iżda doni speċjali, ftit jew wisq joqorbu lejn tiegħi. U billi jkunu għadhom żgħar, kien jiġrilhom kif kien jiġri lili – ma jkunux jafu jostruhom jew tal-anqas iliġġmuhom, biex ma jigbdux l-attenzjoni. U kultant, il-mediċini jingħatawlhom qishom ħelu, bl-addoċċ.

Jien naf sew kemm hu diffiċli li tifel jew tifla bħal ma kont jien jintegraw ruħhom f’socjeta fejn min mhux mitqies bħala normali jkun jew emarġinat, jew imwaqqa’ għaċ-ċajt, jew saħansitra kkastigat.

Dik hi l-istorja kollha. Jien m’għandix għalfejn nigdeb. Iżjed u iżjed issa li jien m’għadnix magħkom. U għalhekk ħallejt din ix-xhieda mat-testment tiegħi.

Kunu afu li l-ħajja wara l-mewt teżisti. Għalhekk qed nibgħat dan il-messaġġ issa, b’dan il-mod. Għax meta, fl-għodwa tal-għada ta’ meta jinqara t-testment u din id-dikjarazzjoni, ikun meta jkun, taraw ħamsa min-nies li sal-lum ma kienux jafu lil xulxin, jinġabru ħdejn il-bieb tal-Kunsill Lokali, ipoġġu bilqegħda fuq it-turġien, u jibdew jiktbu l-istess ħaġa f’daqqa, bl-istess kalligrafija li ovvjemnt ma tkunx tagħhom… mela allura, xi haġa “hemm” ’l hinn minn din il-ħajja t’issa.

Leave a comment